OPR - Sunday, 29th May, 2005
IL-PRESIDENT TA’ MALTA U S-SINJURA FENECH ADAMI JAGĦMLU ŻJARA UFFIĊJALI FIL-BIRGU
Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Dott. Edward Fenech Adami u s-Sinjura Fenech Adami, dalgħodu żaru l-lokalita` tal-Birgu. Is-Sindku tal-Birgu, is-Sur John Boxall li kien mistenni jakkumpanja lill-President tul iż-żjara tiegħu, kien indispost peress li dan il-lejl kien involut f’inċident tat-traffiku.
Filfatt, wara l-quddiesa tal-Ħadd fil-Kappella tas-Santa Skolastika li tinsab fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Benedittini tal-Klawsura, l-President ta’ Malta żar lis-Sur Boxall u s-sinjura tiegħu fl-Isptar San Luqa u awguralhom fejqan ta’ malajr. Minkejja li l-President wera x-xewqa li ż-żjara għandħa tiġi posposta b’rispett lejn is-sur Boxall u l-mara tiegħu, iż-żjara fil-Birgu tkompliet kif ipporgrammata propju fuq l-insistenza tas-Sur Boxall. Tul iż-żjara, l-President kien akkumpanjat mill-Viċi Sindku, s-Sur Emanuel Attard.

Il-President Fenech Adami waqt li qed jiltaqa man-nies tal-Birgu
Il-President Fenech Adami żar il-Każin tal-Banda ta’ San Lawrenz u l-Każin tal-Banda Prince of Wales. Il-President u s-sinjura tiegħu żaru wkoll lis-Sorijiet tal-Benedittini kif wkoll il-kunvent tal-patrijiet Dumnikani.
Huwa kellu wkoll l-pjaċir jiltaqa’ mas-Sur Anthony Cassar, li flimkien ma’ ibnu, jispeċjalizza fil-bini tad-dgħajjes li jintużaw fir-regatta tradizzjonali Maltija. Karattru ieħor sinonimu ma’ l-identita` tal-Birgu huwa s-Sur Peppi Gellel li għandu 99 sena u li huwa magħruf sew għax-xogħol ta’ ħjata fuq il-bnadar, ħafna drabi elaborat – snajja’ li s-Sur Gellel għadu jaħdem sal-ġurnata ta’ llum.

Il-President Fenech Adami fil-"workshop" tas-sur Anthony Cassar filwaqt qed jispjegalu ix-xogħol li tinvolvi s-snajja partikulari tiegħu
Il-President u s-Sinjura Fenech Adami żaru Il Collacchio, żona li fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienet tħaddan fiha r-residenza u l-amministrazzjoni tagħhom. Fil-fatt, fil-Collacchio wieħed isib it-tmien Bereġ. Din bdiet proprju mill-Palazz ta’ l-Inkwiżitur li jinsab fil-qalba tal-Birgu u li fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann kien iservi bħala s-Sede ta’ l-Inkwiżitur. Dan il-Palazz jirrappreżenta ħames sekli sħaħ ta’ l-istorja ta’ pajjiżna u jixhed il-wirt Ewropew tal-gżejjer tagħna. L-arkitettura ta’ dan il-bini hija wkoll ġawhra fiha nnifisha.
Iż-żjara ġiet fit-tmiem tagħha fil-Berġa ta’ l-Ingilterra. Hawnhekk il-President ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu ltaqgħu mal-membri tal-Kunsill Lokali, u diversi għaqdiet soċjali, volontarji u reliġjużi.
Il-President Fenech Adami qal li tul iż-żminijiet, il-Belt tal-Birgu kienet protagonista ewlenija fl-istorja ta’ pajjiżna u dan jixhduh il-fortifikazzjonijiet u l-Birgu fost l-oħrajn. Il-President qal ukoll li l-aqwa fortifkazzjoni li jista’ jkollha l-Birgu llum hija s-sens ta’ identita` li jħaddnu n-nies tal-Birgu u li tgħin sabiex napprezzaw u nieħdu ħsieb il-post li ngħixu fih. Il-President qal wkoll li “Ċentru storiku u kulturali bħalma hu l-Belt tal-Birgu, juri li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, il-wirt storiku tagħna huwa kbir.”
Il-President, filwaqt li awgura għal darb’oħra fejqan ta malajr lis-Sindku, faħħar ix-xoghol siewi li qed jagħmel il-Kunsill Lokali tal-Birgu u qal li permezz ta’ dan qed il-Kunsill, qed jaghti kontribut mhux biss lill-Birgu iżda wkoll lil pajjiżna.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |