OPR - It-Tnejn 19ta' Diċembru, 2005
DONAZZJONI TA’ VETTURA MILL-KIA MOTORS LILL-MALTA COMMUNITY CHEST FUND GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Dalgħodu s-Sur George Fenech, chairman ta’ Tumas Group f’isem KIA Motors għadda formalment coach għal persuni b’diżabilità lill-E.T. Dott. Edward Fenech Adami bħala chairman tal-Malta Community Chest Fund. Għal din iċ-ċerimonja kienet preżenti wkoll is-Sinjura Fenech Adami. Id-donazzjoni ta’ din il-coach ġiet imħabbra waqt il-programm ‘Istrina’ tas-sena l-oħra.
Qabel il-preżentazzjoni ġew iffirmati żewġ kuntratti, wieħed tad-donazzjoni mill-KIA Motors lill-Malta Community Chest Fund u l-ieħor bejn l-istess Malta Community Chest Fund u l-Foundation for Social Welfare Services. Permezz tat-tieni kuntratt, il-Malta Community Chest Fund għaddiet l-immaniġġjar tal-coach f’idejn il-Foundation for Welfare Services biex b’hekk tkun tista’ tintuża skond il-ħtiġijiet ta dawk fil-bżonn li jinkludu nies b’diżabilità.
Il-Gvern għamel tajjeb għall-ħlas tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vettura filwaqt li permezz tan-National Lotteries Good Causes Funds ġiet rifuża s-somma ta’ Lm6000 għal Excise Duty.
Tul il-ġurnata numru ta’ persuni b’diżabilità minn Wied il-Għajn u minn Ħal Kirkop telgħu fuq din il-coach li ħadithom għal mawra madwar Malta li ġiet fi tmiemha propju fil-Palazz tal-Verdala.
Il-President wera r-rikonoxximent tiegħu għall-ġenerożità tal-KIA Motors. ‘Filwaqt li għal ħafna minnha, sabiex immorru minn post għal ieħor hija xi ħaġa li nagħmluha ta’ kuljum u mingħajr ma noqgħodu naħsbu fuqha, għal oħrajn hija ferm iktar diffiċli’, żied jgħid il-President ta’ Malta. Din il-vettura ser tiffaċilita l-ħajja ta’ ħafna li ma għandhomx il-mezzi adegwati sabiex jkunu jistgħu jivvjaġġaw.
Il-President Fenech
Adami qal li l-ġenerożità u s-solidarjetà ta’ bejnietna hija bla dubju l-karatteristika
tal-Maltin li f’dan iż-żmien tas-sena tinħass ħafna iktar. Din hija
karatteristika li tiddistingwina bħala pajjiż u għandha tagħmilna kburin li aħna
Maltin.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |