OPR - Il-Ħamis, 5 ta' Ġunju 2008
JITLESTA L-PROĠETT TA’ KONSERVAZZJONI FUQ IL-PITTURA TAS-SAQAF TAS-SALA PRINĊIPALI TAL-PALAZZ VERDALA
“Bħala ċittadini Maltin għandna ngħożżu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna mhux biss għax għandu valur storiku għoli iżda wkoll għax dan jagħmel parti mill-identita’ tagħna bħala Maltin.” Hekk stqarr il-President Eddie Fenech Adami fil-Palazz Verdala wara preżentazzjoni fuq il-proġett ta’ konservazzjoni fuq il-pittura tas-saqaf tas-sala prinċipali ta’l-istess Palazz nhar il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju.
“Jiskantaw u jgħiduli li għandkom biex tħossukom kburin li minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż għandkom patrimonju tant kbir.” Hekk ukoll jgħidu dinjitarji barranin mal-President. “Hija r-responsabbilta’ u d-dmir tagħna li nieħdu ħsieb il-wirt storiku tagħna sabiex dal-patrimonju jkompli jitgawda mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.”
Il-President irringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proġett, b’mod speċjali lill-erba’ sponsors: il-Prof Joe Bannister u s-Sinjuri George Fenech, Joe Gasan u Charles Polidano, mill-Malta Financial Services Authority, Tumas Group, Gasan Group u Polidano Brothers rispettivament, li bejniethom ikkontribwew is-somma ta’ €186,350 (Lm80,000) sabiex dan il-proġett mhux biss isir realta` iżda wkoll isir moniteraġġ fuqu fix-xhur li ġejjin.
Il-preżentazzjoni saret minn Roberta DeAngelis li mexxiet il-grupp ta’ konservaturi u Bernardine Scicluna li ħadet ħsieb ir-riċerka storika. Huma taw spjegazzjoni dettaljata dwar il-proċess kollu tal-proġett li beda’ f’Lulju ta’ 2006 fuq l-inizjattiva tal-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami u ntemm f’Mejju ta’ din is-sena bl-appoġġ finanzjarju ta’ l-isponsors.
Kellha titneħħa il-kisja ta’ żebgħa tal-ġir li għattiet il-pittura, li saret fi żmien il-Gvernatur Sir Charles Bonham-Carter; isir studju fuq il-possibilita’ li jitneħħa wkoll il-verniċ li ngħata qabel ma ġiet miżbugħa u tgħattiet (li wara testijiet li saru f’laboratorji speċjalizzati sal-lum għad ma nstabx mezz kif jitneħħa bla ma ssir ħsara lill-pittura) u mbagħad saret konservazzjoni wkoll fuq partijiet mill-pittura li ġarbet ħsarat matul iż-żminijiet.
Il-proġett sar taħt il-koordinazzjoni ta’ l-Uffiċċju tal-President u l-Heritage Malta bl-involviment ta’ numru ta’ esperti u konservaturi Maltin u Taljani, storiċi ta’ l-arti, xjentisti kif ukoll ħaddiema ta’ Heritage Malta u ta’ l-Uffiċċju tal-President.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |