OPR - Il-Ħadd, 21 ta' Mejju, 2006
IL-PRESIDENT U S-SINJURA FENECH ADAMI JILTAQAW MAL-PUBBLIKU WAQT ATTIVITA' KULTURALI FIL-PALAZZ VERDALA
Fl-okkażjoni tac-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Familja, il-President ta' Malta u s-Sinjura Fenech Adami iltaqa' mal-pubbliku waqt attivita' organizzata mill-uffiċċju tal-President, għat-tieni sena konsekuttiva. F'din l-attivita' l-pubbliku kien mistieden jżur il-Palazz ta’ Verdala u jgawdi l-wirt kulturali ta’ pajjiżna.

Il-Palazz ta’ Verdala inbena mill-Perit Gerolamo Cassar fl-1586 għall-Gran Mastru Verdalle f’żona remota tal-Boschetto, fejn kien hemm wied mimli bis-siġar li kien jipprovdi għal żona tajba għall-kaċċa.
Meta l-Ingliżi waslu Malta fl-1800, il-Palazz intuża bħala ħabs u għal diversi snin wara tħalla fi stat ta’ abbandun sakemm il-Gvernatur Sir William Reid għamel xogħol estensiv ta’ restawr fl-1855.

Fl-1982, il-Palazz beda jintuża bħala residenza tal-gvern għall-Kapijiet ta’ Stat li jżuru Malta. Meta Paul Xuereb laħaq Aġent President, għażel il-Palazz ta’ Verdala bħala r-residenza uffiċjali tiegħu.
Il-Palazz bħalissa jintuża bħala r-residenza uffiċjali tas-sajf tal-President ta’ Malta.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |