OPR -  Il-Ħadd, 25 ta' Novembru, 2007

 


IL-PRESIDENT FL-GĦARB


Il-President Eddie Fenech Adami temm iż-żjara uffiċjali tiegħu ta’ jumejn fl-Għarb b’diversi attivitajiet organizzati mill-Kunsill Lokali. Akkumpanjat mis-Sindku David Apap u kunsillera, il-President iltaqa’ mar-residenti wara l-quddiesa fil-parroċċa iddedikata lill-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Elizabetta.

 

Il-President Fenech Adami żar il-Mużew tal-Folklore fil-pjazza tar-raħal fejn kien hemm Grupp ta’ l-Għaqda Folkloristika tal-Qiegħa, l-Għarb Rangers Football Nursery, waqt it-taħriġ u  l-Għaqda Mużikali Viżitazzjoni waqt ir-rehearsals. Diversi żgħażagħ mill-Għarb qed jingħaqdu ma’ din il-banda li ilha erba snin imwaqqfa.

 

Il-President iltaqa’ ma Grezzja Agius, anzjana attiva ħafna fil-komunita’ u li tgħin lil diversi għaqdiet lokali fl-attivitajiet. Grezzja Agius għandha esperjenza fl-Agrituriżmu imwaqqfa fil-lokalita’. Pjaċir tagħha turi  kif isiru l-ġbejniet u kif tieħu ħsieb in-ngħaġ. B’hekk taħdem biex ċerti tradizzjonijiet ma jintilfux maż-żmien iżda jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra.

 

Il-President iltaqa’ mal-Kunsill Lokali fejn inkoraggixxa l-Kunsilliera biex, wara s-suċċess li kellhom fl-akkwist ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja għat-tindif ta’ Wied il-Mielaħ u l-bini ta’ metri twal ta’ ħitani għoljin tas-sejjieħ, ikompli f’ħidma biex iwettqu l-pjan b’fondi oħra kbar fil-bini ta’ park fit-tarf tal-Wied tant sabiħ. Fl-Għarb, raħal tipiku Għawdxi, wieħed jsib l-għeruq antiki mhux biss fil-Mużew tal-Folkore, iżda ukoll fid-drawwiet li ħafna mir-residenti jħaddnu.

 

Il-President irringrazzja lill-Kunsill Lokali għal impenn tiegħu b’ħidma b’risq l-Għarb u talli irnexxielu jaħdem flimkien ma’ l-għaqdiet sabiex iżomm il-komunita’ ħajja. Fl-aħħar taż-żjara, fuq inizjattiva tas-Sindku David Apap, l-President ippreżenta tifkira lil Kunsilliera u s-Sindku kif ukoll lil dawk tas-snin ta’ qabel, bħala sinjal ta’ rikonoxximent tas-servizz volontarju tagħhom, liema ħidma  wasslet għas-suċċess tal-Kunsill.

 

Il-President Fenech Adami jiltaqa' mar-residenti ta' l-Għarb fuq iz-zuntier

 

Il-President Fenech Adami jiltaqa' mar-residenti ta' l-Għarb fuq iz-zuntier

 

Il-President Fenech Adami jiltaqa' mar-residenti ta' l-Għarb fuq iz-zuntier

 

 

Il-President Fenech Adami ma' l-Għarb Rangers Football Nursery

 

Il-President Fenech Adami ma' l-Għarb Rangers Football Nursery

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP