OPR - L-Erbgħa, 16 ta' Mejju
IL-PRESIDENT JILTAQA’ MA’
L-GĦAQDIET VOLONTARJI FIL-GĦARGĦUR
Waqt laqgħa li kellu ma’ l-għaqdiet volontarji fil-Għargħur,
Il-President Eddie Fenech Adami qal li dawn l-għaqdiet jirriflettu kemm
fir-raħal hawn spirtu ta’ komunita’.
Il-President qal li kien ta’ pjaċir għalih jisma’ l-interventi ta’ seba’ u
għoxrin rappreżentant minn għaqdiet sportivi, reliġjuzi, socjali u kulturali li
ddeskrivew ħidmiethom tul is-sena. Ħafna minn dawn l-għaqdiet għandhom funzjoni
marbuta mal-knisja u l-valuri nsara, fatturi li jagħmlu parti mill-identita’
tagħna l-Maltin.
Il-President Fenech Adami faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali li għaraf
il-funzjoni tiegħu lejn dawn l-għaqdiet mhux biss billi jagħtihom l-għajnuna
meħtieġa iżda ukoll billi jġibhom lkoll flimkien. Il-President saħaq illi fi
żmien fejn qed insiru iktar individwalisti, il-ħidma volontarja tan-nies
tar-raħal għandha tgħin sabiex jissawwar spirtu ta’ komunita’ fir-raħal. Dan
l-għan qed jintlaħaq fil-Għargħur anke permezz tat-twaqqif ta’ assoċjazzjonijiet
ġodda.
Il-President qal illi l-esperjenza tal-lum kienet waħda pożittiva u rringrazzja
lill-membri ta’ l-għaqdiet tal-Għargħur li attendew bi ħġarhom.
Sadanittant, il-President ta’ Malta flimkien mas-Sinjura Fenech Adami jkompli
ż-żjara uffiċjali tiegħu fil-Għargħur nhar il-Ħadd 20 ta’ Mejju 2007

|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |