OPR -  L-Erbgħa 21 ta' Novembru, 2007

 


Il-President TA’ MALTA jibda żjara UFFIĊJALI fl-għarb


 

Il-President ta’ Malta, Eddie Fenech Adami illum beda żjara uffiċjali fl-Għarb.  Akkompanjat mis-Sindku David Apap, il-President żar l-iskola Primarja Carmen Grima fejn iltaqa’ ma’ l-għalliema u l-istudenti li ppreżentaw programm ta’ kant u drama.

 

Il-President wera l-apprezzament tiegħu lill-għalliema li b’dedikazzjoni kbira jħeġġu lill-istudenti biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom filwaqt li jħaddnu l-valuri tradizzjonali ta’ gżiritna, minbarra li jagħtuhom it-tagħlim akkademiku.

 

Il-President Fenech Adami mar ukoll fil-Villaġġ tas-Snajja Ta’ Dbiegi fejn żar ħwienet fejn isiru diversi oġġetti artiġjanali u bejgħ ta’ xogħol tal-filugranu, bizzilla, ġild, pintura, metal, fuħħar u ħġieġ.

 

F’Wied il-Mielaħ il-President, akkumpanjat mis-Sindku ra xogħlijiet ta’ restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ u t-tindif tal-Wied mill-ħmieġ li nġabar matul is-snin.  Dan ix-xogħol kien ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea għal Malta wara applikazzjoni mill-Kunsill Lokali li kien l-ewwel Kunsill minn Malta u Għawdex li rnexxilu jikseb fondi strutturali mill-UE.

 

Filgħaxija il-President ser jiltaqa’ ma’ l-għaqdiet volontarji ta’ l-Għarb u nhar il-Ħadd, 25 ta’ Novembru jiltaqa’ mar-residenti ta’ l-Għarb.

 

Il-President Fenech Adami waqt li kien qed jżur il-Villaġġ tas-Snajja f'Ta Dbiegi

Il-President Fenech Adami waqt li kien qed jżur il-Villaġġ tas-Snajja f'Ta Dbiegi

 

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP