OPR - Il-Ħadd, 19 ta' Ġunju, 2005
IL-PRESIDENT TA’ MALTA U S-SINJURA FENECH ADAMI JŻURU ĦAL GĦAXAQ
“Ħal Għaxaq huwa raħal żgħir li baqa jżomm dak il-wirt storiku li ħallew missirijietna, raħal kburi bl-identita tiegħu.”
Hekk iddeskriva l-lokalita’ ta’ Ħal Għaxaq, il-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. Edward Fenech Adami, meta flimkien mas-Sinjura tiegħu, dalgħodu għamel żjara uffiċjali fil-lokal. Waqt din iż-żjara, l-President kien akkumpanjat mis-Sindku ta’ Ħal Għaxaq is-Sur Joe Abdilla.
Hekk kif wasal f’Ħal Għaxaq, il-President żar il-Kappella Bażilika ta’ San Filippu. Din hi kappella sabiħa fis-sempliċita’ tagħha mżejna b’koppla u bil-faċċata tinkludi portiku zgħir. Din il-knisja, fl-1769, ġiet affiljata ma’ dik ta’ San Ġwann Lateran ta’ Ruma, u tgawdi l-istess privileġġi.
Iż-żjara kompliet bil-quddiesa tal-Ħadd filgħodu fil-knisja tal-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq. Il-President imbagħad żar iż-żewġ każini tal-banda tal-lokal li huma ta’ Santa Marija u ta’ San Ġużepp, kif ukoll iltaqa’ mal-membri tal-kumitati rispettivi tagħhom.
Aktar tard, il-President żar xi residenti ta’ Ħal Għaxaq fosthom is-Sur Emanuel Caruana li huwa magħruf sew mhux biss fir-raħal, iżda wkoll ma’ dawk id-dilettanti taż-żwiemel, bħala persuna dedikata fil-manifatturar tal-karrettun tipiku Malti. Il-President Fenech Adami ltaqa’ wkoll ma resident ieħor, is-Sur Joseph Oliva li l-passatemp tiegħu huwa li mix-xejn kapaċi joħloq mudelli ckejkna ta’ dgħajjes Maltin u ta’ pasturi fost l-oħrajn. Persuna li tixhed ir-rabta tan-nies ta’ dan ir-raħal mal-qasam ta’ l-agrikoltura u ma’ l-identita’ Maltija, huwa s-Sur Frans Farrugia li għal din l-okkażjoni tella esebizzjoni ta’ għodda tal-ħbula u tar-raba, kif ukoll ta’ strumenti folkloristiċi bħal dik li nafuha bħala ż-żaqq.

Il-President Fenech Adami qed jiġi spjegat minn Emanuel Caruana x'jinvolvi ix-xogħol tal-karettun Malti
Il-President u s-Sinjura Fenech Adami kellhom ukoll il-pjaċir jiltaqgħu mal-membri ta’ l-Għaqda Filantropika Għaxaq, organizzazzjoni li l-iskop tagħha huwa dak li jgħinu lil familjari tar-residenti tal-post li jkollhom bżonn kura medika barra minn Malta. Fil-fatt waqt iż-żjara, s-Sinjura Fenech Adami iltaqgħat personalment ma’ żewġ familji li bbenefikaw mill-għajnuna li toffri din l-għaqda.
Il-President Fenech Adami akkumpanjat mis-Sindku Joe Abdilla qed jara l-esebizzjoni tas-Sur Frans Farrugia (fuq ix-xellug)
Fi tmiem iż-żjara tiegħu fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq, il-President irringrazzja lis-Sindku u l-membri tal-Kunsill għal din l-istedina u stqarr li kien ta’ pjaċir għalih li jżur dan ir-raħal. Il-President qal li meta wieħed jimxi fit-toroq dojoq u mserpa ta’ dan il-lokal, jinduna kemm Ħal Għaxaq huwa raħal pittoresk u kemm baqa’ jippreserva r-rabta agrikola ta’ pajjiżna, li jixhed kemm il-Maltin fl-antik kienu aktar qrib man-natura u l-ħajja agrikola.
Il-President irringrazzja wkoll lis-Sindku u l-membri tal-Kunsill Lokali għax-xogħol siewi li qegħdin iwettqu u li permezz tiegħu qegħdin ibiddlu l-kultura tal-post, jagħmlu lir-residenti konxji mill-wirt kulturali Malti u b’hekk jippreservaw l-identita’ tal-post li tiddistingwihom mill-irħula l-oħrajn.
Il-President ta’ Malta, L-E.T. Dott Fenech Adami, faħħar ukoll ix-xogħol li għaqdiet filantropiċi u soċjali jagħmlu fil-lokal u sostna li dan għandu jservi mhux biss biex jagħmel ġid lill-proxxmu u dawk fil-bżonn, iżda ukoll biex l-għaqda fil-lokal titkattar.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |