OPR - L-Erbgħa, 20 ta' Ġunju, 2007
IL-PRESIDENT TA’ MALTA JITKELLEM MA’ L-GĦAQDIET VOLONTARJI
Fil-laqgha ma’ l-għaqdiet volontarji f’Kerċem il-President ta’ Malta enfasizza li l-Kunsill Lokali flimkien ma’ l-għaqdiet għandhom funzjoni importanti fil-ħajja taċ-ċittadini kollha għax il-volontarjat hu s-sinsla tad-demokrazija.
Il-President qal li fi żmien fejn is-soċjetà qed issir iktar individwalista, il-ħidma volontarja barra li toħloq sens ta’ komunità twassal biex niskopru l-għeruq tagħna bħala Maltin. Il-President Fenech Adami faħħar l-inizjattiva ta’ l-għaqdiet volontarji li qed jaħtfu l-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea bħal għajnuna finanzjarja f’pubblikazzjoni tal-kotba b’interess komunitarju. Semma l-każ ta l-Għaqda Żgħażagħ Armar fir-raħal ċkejken ta’ Kerċem li pubblika, bis-sapport ta’ l-Unjoni Ewropea, studju ricerka dwar Il-Barrani Fostna, tema attwali kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewopea.
Il-President sema’ interventi ta’ ħdax il-rappreżentant minn għaqdiet sportivi, reliġjuzi, socjali u kulturali li ddeskrivew ħidmiethom tul is-sena. Bosta minn dawn l-għaqdiet għandhom funzjoni marbuta mal-Knisja u l-valuri nsara, valuri li huma wkoll parti mill-karatteristiċi tagħna l-Maltin.
Qabel il-laqgħa ma’ l-għaqdiet volontarji l-President Fenech Adami żar il-komunità ta’ Santa Luċija fejn attenda l-quddies flimkien mar-residenti u ltaqa’ magħhom fuq iz-zuntier. F’Santa Luċija, il-President żar lil artist żagħżugħ Austin Camilleri u l-mastrudaxxa Gużeppi Borg li għadu juża l-għodda antika tradizzjonali Maltija u jaħdem u jsewwi r-roti ta’ karettuni.
.
Nhar il-Ħadd 24 ta’ Ġunju 2007, il-President flimkien mas-Sinjura Fenech Adami jkompli ż-żjara uffiċjali lill-residenti ta’ Kerċem.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |