OPR - Il-Ħadd, 24 ta' Ġunju, 2007
IL-PRESIDENT TA’ MALTA FIL-KERċEM
Il-President ta’ Malta, flimkien mas-Sinjura Fenech Adami, illum il-Ħadd temm iż-żjara uffiċjali tiegħu f’Kerċem fuq stedina tal-Kunsilli Lokali.
Ir-raħal ċkejken u pittoresk ta’ Kerċem, li jagħmel miegħu raħal iżgħar ta’ Santa Lucija, hu raħal mimli storja li teħodna lejn żminijiet imgħoddija. Kerċem għalkemm żgħir għandu organizzazjonijiet u ċentri li wieħed isib fir-rħula u bliet oħra. Fil-fatt il-President żar in-nursery tal-futbol bi ground kbir u ieħor żgħir, żewg centri għall-logħob tal-boċċi flimkien ma’ playground fejn il-familji jieħdu l-mistrieħ tagħhom. Wara, il-President żar l-Għaqda Mużikali San Girgor li tħaddan ukoll il-banda tagħha, lil Angela Cardona, li taħdem il-bizzilla u lil Joe Spiteri li għandu s-sengħa tal-ġebel li tinkludi xogħol ta’ skultura u bini.
Il-President flimkien mas-Sindku, Joseph Grima żar lil Mons. Nikola Vella li twieled u ta s-servizz tiegħu lir-raħal bħala Kappillan u Arċipriet.
Is-Sinjura Fenech Adami, akkumpanjata mill-Kunsilliera Antoinette Borġ żaret familji u s-Sorijiet Karmelitani ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu`.
Il-President u s-Sinjura Fenech Adami iltagħqu mar-Kerċmin għal kafe’ u pastizzi fuq iz-zuntier wara smiegħ tal-quddiessa fil-parroċċa. Kienet drawwa snin ilu, li illum naqset sew, li wara l-quddiesa tal-Ħadd filgħodu bosta Maltin u Għawdxin kienu jieħdu belgħa kafe u pastizzi huma u jiltagħqu mal-ħbieb.
F’għeluq iż-żjara tiegħu, il-President flimkien mas-Sinjura Fenech Adami żar ukoll il-Kunsill Lokali fejn irringrazzja lis-Sindku Joe Grima u lill-Kunsilliera kollha għax-xogħol li jwettqu b’servizz lejn il-komunita u għall-għajnuna lill-għaqdiet volontarji fil-Kerċem.


|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |