OPR - Is-Sibt 29 ta' Ottubru, 2005

 


IT-TIMBRU TAL-POPLU MALTI HUWA S-SOLIDARJETA’


Fil-preżenza tal-President ta’ Malta, l-E.T. Dr. Edward Fenech Adami u s-Sinjura Fenech Adami, tqassmu l-fondi li nġabbru mill-programm “L-Istrina 2004” permezz tat-telefonati u d-donazzjonijiet li jammontaw għas-somma totali ta’ ’l fuq minn miljun u tlett mitt elf lira.  

 

Waqt konferenza stampa li saret fil-Palazz, il-Belt Valletta, tqassmu l-fondi lill-Malta Community Chest Fund u assoċjazzjonijiet soċjali oħrajn li huma: l-Malta Cancer Foundation, Dar il-Kaptan Respite Care, Fondazzjoni Arka, Equal Partners Foundation, Richmond Foundation, Eden Foundation, Oasi Foundation, Friends of the little Sisters of the Poor, Salesians of Don Bosco, St. Rita Home, SPCA Animal Welfare Centre, Reaching Out Malta and Jesuit Refugee Services.

 

Il-President Fenech Adami qal li kien ta’ pjaċir għalieh li għal darb’oħra jerġa jittella dan l-avveniment annwali ta’ l-Istrina, avveniment li fiha jibbenefikaw dawk kollha li għandhom bżonn. Il-President ta’ Malta faħħar l-impenn ta’ numru kbir ta’ voluntiera li jagħtu s-sehem tagħhom f’dan il-programm u li jinkludi wkoll l-impenn li r-rendikont finanzjarju jkun audited b’mod regolari fuq bażi volontarja.

 

Il-President irringrazzja lill-PBS ta’ l-appoġġ u tax-xogħol li tagħmel waqt il-programm ta’ l-Istrina kif wkoll il-kumpanija ‘Where’s Everybody?’ li permezz ta’ l-entużjażmu u l-kuraġġ tagħha, irnexxielha torganizza avveniment bħal dan li issa sar appuntament annwali.

 

Il-President Fenech Adami wassal ukoll l-apprezzament tiegħu lil Maltacom plc., kif wkoll l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li offrew sigħat b’xejn mill-air time tagħhom sabiex jiġi trasmess dan il-programm.  

 

Il-President iddeskriva lill-poplu Malti bħala wieħed li għandu t-timbru ta’ poplu li jgħozz il-valuri tas-solidarjeta’, poplu li jimpurtah minn ħaddieħor u kapaċi jagħraf il-bżonnijiet ta’ l-oħrajn.

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP