OPR- L-Erbgha, 6 ta` Ottubru - Valletta

 


“L-ISTRINA - ĊERTIFIKAT TAS-SENS TA’ SOLIDARJETA` TAL-POPLU MALTI” – Il-President ta` Malta , l-E.T. Dr. Edward Fenech Adami


 

Fil-preżenza tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Dr. Edward Fenech Adami, u ċ-Chairman tal-PBS, Michael Mallia, tqassmu l-fondi li ngabbru mill-programm “L-Istrina 2003” permezz tat-telefonati u d-donazzjonijiet li jammontaw għas-somma totali ta` madwar miljun lira Maltin.  

 

Waqt konferenza stampa fil-Palazz, il-Belt Valletta, tqassmu l-fondi lill-Malta Community Chest Fund u assoċjazzjonijiet soċjali oħrajn li huma l-Eden Foundation, Caritas, Razzett tal-Ħbiberija, Djar tal-Knisja Għall-Anzjani, YMCA, Emigrants’ Commission, Children’s Cancer Support Group, The Millennium Chapel, Suriet il-Bniedem, Daniel Delicata Memorial Association, Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ, Daritama, Parroquia Sant Tomos Appostolo, u The Ghana Mission Foundation.

 

Il-President Fenech Adami qal li din is-somma hija ċertifikat tas-sens ta’ solidarjeta` tal-poplu Malti kollu, li jimpurtah u li, għalhekk, ta l-kontribut tiegħu f’dan l-avveniment. L-Eċċellenza Tiegħu ddeskriva l-poplu Malti bħala wieħed ġeneruż li fid-dinjita` tiegħu ma jaħsibx biss fih innifsu izda kapaċi jagħraf il-bżonnijiet ta’ l-oħrajn.

 

Il-President irringrazzja lill-PBS ta’ l-appoġġ u tax-xogħol li tagħmel waqt il-programm ta’ l-Istrina kif wkoll il-kumpanija ‘Where’s Everybody?’ li bl-entużjażmu u d-dedikazzjoni tagħha irnexxielha torganizza avveniment bħal dan li issa sar appuntament annwali. Il-President Fenech Adami wassal ukoll l-apprezzament tiegħu lil Maltacom kif wkoll l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li offrew sigħat b’xejn mill-air time tagħhom sabiex jiġi trasmess dan il-programm.  

 

Il-President awgura li “l-programm ta’ l-Istrina ta’ din is-sena jkun ieħor ta’ suċċess bħal dawk ta’ qabel, programm li jirrifletti s-solidarjeta` tal-poplu Malti u Għawdxi.”
 

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP