OPR - L-Erbgħa 17 ta' Jannar 2007

 


IL-PRESIDENT JILTAQA’ MA’ L-GĦAQDIET VOLONTARJI F’ĦAL-LIJA


 

 Waqt laqgħa li kellu ma’ l-għaqdiet volonarji f’Ħal-Lija, il-President ta’ Malta, Eddie Fenech Adami qal li dawn l-għaqdiet huma ta’ servizz lill-komunita’ u prova fil-prattika ta’ solidarjeta’ f’pajjiżna.

 

Tnejn u għoxrin rappreżentant minn għaqdiet sportivi, reliġjużi, tal-baned, kif ukoll ta’ l-għaqda tan-nar, f’intervent li kien hemm waqt din il-laqgħa, iddeskrivew ħidmiethom tul is-sena. Il-parti l-kbira minnhom għandhom rabta mal-knisja. Il-President qal li dan jixhed kemm il-knisja għandha funzjoni soċjali qawwija fil-komunita’, fattur importanti marbut mal-valuri u l-identita’ storika ta’ pajjiżna.

 

Il-President faħħar l-impenn ta’ indvidwi li jieħdu l-inizjattiva, jaħdmu u joħolqu għaqdiet sabiex jilħqu żgħażagħ, anzjani kif ukoll nies morda, biex b’hekk jirrispondu għar-realtajiet tal-komunita’ tal-lum. Eżempju ta’ dan hija Marthese Agius, omm żagħżugħa,  li barra li tieħu ħsieb l-uliedha tmexxi għaqda għaż-żgħażagħ f’Ħal Lija. 

 

Il-President Fenech Adami qal li l-esperjenza tiegħu f’din il-laqgħa kienet waħda pożittiva, li wieħed għandu x’jitgħallem minnha u spjega kif il-volontarjat iservi ta’ support lill-familji li jiffaċċjaw problemi f’xi stadju tal-ħajja.

 

Sadanittant, il-President ta’ Malta flimkien mas-sinjura Fenech Adami jkompli ż-żjara uffiċjali tiegħu f’Ħal-Lija nhar il-Ħadd 21 ta’ Jannar 2007.

Il-President waqt il-laqgħa ma' l-għaqdiet volontarji

 

Il-President waqt il-laqgħa ma' l-għaqdiet volontarji

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP