OPR - L-Erbgħa 17 ta' Jannar 2007
IL-PRESIDENT TA’ MALTA JŻUR L-ISKEJJEL F’ĦAL LIJA
Il-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami llum żar l-iskejjel ta’ f’Ħal-Lija fil-bidu ta’ żjara uffiċċjali fil-lokal.
Waqt l-indirizz lill-istudenti ta’ l-iskola Primarja Annibale Preca, il-President qal li huwa ta’ sodisfazzjoni għalih li jara li t-tfal f’eta’ żgħira jitħarrġu f’ambjent li jinkoragixxi l-iżvilupp akkademiku flimkien ma’ talenti personali.
Il-President faħħar l-inizjattiva li l-iskola jkollha l-Innu tagħha li l-kliem ikollu konnessjoni ma’ l-istorja tal-lokal, li tagħmel parti mill-identita’ tal-poplu Malti, “identita` li għandna għaliex inkunu kburin biha” żied jgħid il-President. Il-President qal li kull persuna għandha xi ħaġa x’tagħti lil pajjiż u żied jgħid li l-istorja hija l-għaqda ta’ dak li kull wieħed minna jagħmel f’pajjiżna.
Il-President qal li l-esperjenza tiegħu f’dawn iż-żjarat hija pożittiva ħafna għaliex qed jirrealizza kemm il-livell ta’ l-edukazzjoni qiegħed dejjem jgħola’. Il-President ta’ Malta filwaqt li awgura kull suċċess lil dawn l-istudenti rringrazzja lill-għalliema għad-dedikazzjoni li biha jgħallmu lill-istudenti.
Il-President Fenech Adami kien preżentat b’donazzjoni għall-Malta Community Chest Fund, donazzjoni li nġabret mill-istudenti ta’ l-iskola stess.
Il-President ta’ Malta żar ukoll in-Nursery St. Angela, imexxija mis-Sorijiet ta’ l-Ursolini.
Iż-żjara f’Ħal-Lija tkompli llejla meta l-President ta’ Malta jiltaqa’ ma’ l-għaqdiet volontarji reliġjużi, politiċi, sportivi, kulturali u oħrajn.
Nhar il-Ħadd 21 ta’ Jannar, il-President u s-Sinjura Fenech Adami ser jattendu għall-quddiesa fil-knisja tal-Parroċċa u wara jiltaqgħu mar-residenti. Is-Sinjura Fenech Adami ser iżżur anzjani u xi familji.

Il-President jiltaqa' ma l-istudenti ta' l-iskola primarja Annibale Preca
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |