OPR - Il-Ħamis, 29 ta' Diċembru, 2005
JITNIEDA XOGĦOL TA’ KONSERVAZZJONI FUQ L-AFFRESKI TAL-PALAZZ VERDALA
Numru ta’ kumpaniji ser jiffinanzjaw il-proġett ta’ konservazzjoni ta’ l-affreski li jinsabu fis-sala prinċipali tal-Palazz Verdala, proġett li huwa stmat li jammonta għas-somma ta’ Lm40,000. Dalgħodu ġie ffirmat il-ftehim bejn dawn il-kumpaniji u Heritage Malta, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Wirt Kulturali, sabiex b’hekk titnieda l-aħħar parti tax-xogħol ta’ konservazzjoni biex jinkixxfu l-kumplament ta’ l-affreski li jinsabu mas-saqaf tas-sala.
Il-President ta’ Malta, l-E. T. Dott. Edward Fenech Adami ppresieda għaċ-ċerimonja ta’ l-iffirmar bejn Heritage Malta, irrappreżentata miċ-Chairman Dott. Mario Tabone, u s-Sur George Fenech, Chairman Tumas Group, is-Sur Charles Polidano, Chairman Polidano Brothers, il-Prof Joe Bannister, Chairman Malta Financial Services Authority, u s-Sur Joe Gasan, Chairman Gasan Group. Dan il-kuntratt ġie ffirmat fl-istess sala tal-Palazz tal-Verdala fejn ser isir ix-xogħol ta’ konservazzjoni.
Dawn l-affreski, li jingħad li huma x-xogħol tal-pittur tas-seklu sittax Filippo Paladini, juru figuri mill-mitoloġija griega. Għal xi raġuni mhux magħrufa, fis-snin tlettin tas-seklu li għadda dawn l-affreski ġew imbajjda. Fil-perjodu ta’ bejn 1986 u l-1990 kien inbeda xogħol ta’ restawr sabiex titneħħa din iż-żebgħa. Dan ix-xogħol kien sar mis-Sezzjoni ta’ l-Arti tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. F’dawn l-aħħar snin kien sar xogħol ta’ restawr minn dak li qabel kien iċ-Ċentru Malti għar-Restawr, li issa sar parti minn Heritage Malta. Kien anki sar studju xjentifiku fuq l-istruttura tas-saqaf kif ukoll investigazzjoni analitika tas-saffi tal-pittura. Parti mill-affreski tnaddfu miż-żebgħa biex b’hekk inkixfet il-figura mitoloġika ta’ Bakku.

Ix-xogħol li ser jibda dalwaqt ser jkun f’idejn tim immexxi mis-Sezzjoni tal-Konservazzjoni fi ħdan Heritage Malta u ser jinkludi l-kxif tal-kumplament tas-saqaf kif ukoll dokumentazzjoni u riċerka. Numru ta’ esperti barranin mistennija jagħmlu parti minn dan it-tim.
Il-President ta’ Malta irringrazzja lill-kumpaniji nvoluti f’dan il-proġett talli għoġobhom jagħtu l-kontribut tagħhom lil din l-inizjattiva, li titlob spejjeż kbar. Żied jgħid li bil-għajnuna tagħhom ser jiġu restawrati dawn l-affreski, li jiffurmaw parti mill-patrimonju kulturali Malti u li jistgħu jagħtu informazzjoni ġdida fuq l-istorja tas-sala Prinċipali tal-Palazz tal-Verdala, u fuq l-artist li pittirhom.

Il-President Fenech Adami saħaq fuq l-importanza li kull min hu Malti għandu jagħti lill-istorja ta’ pajjiżu, għaliex l-istorja tan-nazzjon tgħallimna min aħna bħala Maltin.
Ta’ min jgħid li l-Uffiċċju tal-President qiegħed jgħin sabiex jikber l-apprezzament għall-istorja ta’ pajjiżna anke billi jipprova jagħmel il-Palazzi Presidenzjali iktar aċċessibbli għall-pubbliku.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |