OPR- L-Erbgha, 15 ta` Settembru - Valletta
IL-PRESIDENT TA` MALTA IPPREŻENTAT B’ZEWĠ DONAZZJONIJIET GĦAL MCCF
Il-President ta` Malta, l-E.T. Edward Fenech Adami illum kien ippreżentat b’erbat elef lira Maltin għal Malta Community Chest Fund, f’żewġ preżentazzjonijiet differenti relatati mal-qasam sportiv.
Il-President Fenech Adami, filwaqt li wera l-apprezzament tiegħu għall-isforzi kollha li saru minn ħafna nies sabiex jinġabru dawn il-fondi qal illi dan kollu juri kemm ġid jistgħu jagħmlu attivitajiet sportivi bħal dawn li joħolqu sens ta` solidarjeta` u li jgħinu sabiex nibnu ġejjieni aħjar.
Fl-ewwel preżentazzjoni, s-Sur Anthony Debono, iċ-Chairman ta` l-‘Isports Commission’ fi ħdan il-Malta Community Chest Fund, ippreżenta Lm500 f’isem il-Malta Aquatic Association.
It-tieni donazzjoni ġiet ippreżentata mis-surmast tal-Liċeo Mikiel Anton Vassalli, is-sur Paul Attard li ppreżenta cheque ta` Lm3,500. Il-Liċeo ġabar din is-somma permezz ta` attivitajiet soċjali li organizza tul is-sena bl-iskop li jinġabru fondi li parti minnhom jmorru għal dawk li huma fil-bżonn, u biex b’hekk, għar-raba sena konsekuttiva jingħataw lill-Malta Community Chest Fund. Dawn l-attivitajiet soċjali jinkludu fost l-oħrajn maratona sportiva ta` 36 siegħa li issa saret appuntament annwali mhux biss ma` l-istudenti tal-Liċeo iżda wkoll ma’ studenti ta` skejjel oħrajn li jipparteċipaw fiha.

Il-President Fenech Adami ippreżentat bid-donazzjoni
Preżenti kien hemm wkoll Tristan Falzon, student tal-Liċeo, ta` erbatax-il sena li permezz ta` sponsor sheets, kien dak li fost sħabu, irnexxielu jġbor l-akbar somma li tammonta għal dik ta` Lm1,140.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |