OPR - Il-Ħamis, 4 ta' Mejju, 2006

 


‘L-GĦAQDIET VOLONTARJI JAGĦTU IDENTITÀ LIL-LOKAL’ – Il-President ta’ Malta


Il-President Eddie Fenech Adami ltaqa` ma` l-għaqdiet volontarji tal-Mellieħa u l-Manikata l-bieraħ fil-għaxija fil-Manikata.

 

Il-President stqarr li l-laqgħat ma` l-għaqdiet volontarji u skejjel iġibuh viċin il-poplu Malti għax b’ħidmithom juru r-realtà tal-ħajja fil-lokal.

 

Il-President qal li d-demokrazija hija l-ħajja ta` kuljum, is-soċjetà ċivili magħmula mill-għaqdiet volontarji b’saħħithom li jaħdmu tul is-sena kollha b’ħidmiet varji. Dawn iħaddnu lkoll għan wieħed: dak li jżommu s-soċjetà ħajja.  Żied jgħid li l-41 għaqda fil-Mellieħa, wħud minnhom ilhom is-snin jeżistu kif ukoll ħafna oħra li nibtu iktar riċentement, huma sinjal pożittiv li s-soċjeta’ tal-Mellieħa qed tiżviluppa l-valur tas-solidarjetà.

 

Il-President qal li l-ġid ekonomiku tal-pajjiż huwa importanti, iżda miegħu hemm il-ħtieġa ukoll li l-pajjiż ikun kuntent.  Hemm jidħol ix-xogħol ta’ dawn l-għaqdiet volontarji li jiżviluppaw soċjetà ferriħija u bi spirtu ta’ solidarjetà li huwa parti mill-identita’ tal-Poplu Malti.

 

Huwa rringrazzja lill-għaqdiet li laqgħu l-istedina tiegħu u rrimarka li ħa pjaċir jisma’ kemm hu kbir il-kontribut tagħhom.

 

Nhar il-Ħadd, 7 ta’ Mejju, 2006 il-President flimkien mas-Sinjura Fenech Adami, ser jagħmel żjara uffiċjali fil-lokalità u jiltaqa` mar-residenti.

 

Il-President Fenech Adami jindirizza l-għaqdiet volontarji fi tmiem il-laqgħa

 

Il-President Fenech Adami jindirizza l-għaqdiet volontarji fi tmiem il-laqgħa

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP