OPR - Il-Ħamis, 4 ta' Mejju, 2006

 


‘STQARRIJA TA' L-IDENTITA` MALTIJA’ - IL-PRESIDENT LILL-ISKOLA TAL-MELLIEĦA


 

Il-President Eddie Fenech Adami, wara li sema' l-istudenti jkantaw l-innu ta' l-iskola Marija Bambina tal-Mellieħa, stqarr li l-innu hu xhieda ta' l-identita’ tagħna l-Maltin: Poplu li jemmen, jemmen li hemm Min iħarisna, Poplu ta' fidi.  Fl-ewwel jum taż-żjara uffiċjali tiegħu fil-Mellieħa, il-President ta' Malta ltaqa' ma' l-istudenti u l-għalliema fejn "deher il-mod kif tfal minn eta` ta` kindergarten ġew mgħallma jintegraw ma’ bosta tfal oħra u jkunu soċjali". L-istudenti ħejjew qari ta' poeżiji, kant u ppreżentaw dramm.

 

Il-President faħħar l-inizjattiva li fl-skola Marija Bambina, li tħaddan tfal Maltin u tfal b'ġenitur minn tmintax il-pajjiż barrani u allura jitkellmu tmintax il-lingwa differenti, ittella` dramm fuq il-leġġenda tal-Kastell Żammitellu. Intuża l-Malti u wkoll l-Ingliż.  Il-President qal li nitkellmu b'ta` l-inqas zewġ lingwi huwa importanti:  "L-edukazzjoni hi l-qofol għal kull progress".

 

Il-President sellem u rringrazzja lill kull min jagħti sehem fil-ħidma ta' l-iskola Maria Bambina: il-Kunsill tal-Ġenituri, Kunsill tat-Tfal, l-għalliema, ħaddiema fl-iskola  u l-Kunsill Lokali.

 

Il-lejla l-President ser jiltaqa' ma' rappreżentanti ta' diversi għaqdiet volontarji, filantropiċi u soċjali tal-Mellieħa fil-Manikata li taqa' taħt l-istess Kunsill Lokali. 

 

Nhar il-Ħadd 7 ta' Mejju, 2006 il-President u s-Sinjura Fenech Admai, ser jiltaqgħu mar-residenti tal-Mellieħa. Iż-żjara tibda b'Quddies tad-8.15 ta' filgħodu fil-Parroċċa. Wara, flimkien mas-Sindku u Kunsillera jkun hemm żjarat lill-każini tal-Baned, l-Għaqda Korali u Orkestrali, iċ-Ċentru Parrokjali, kif ukoll in-nurseries tal-Mellieħa Football Club.

 

Din hija waħda minn sensiela ta' żjarat li minn xahar għal ieħor, il-President ta' Malta, qed jagħmel fl-ibliet u rħula ta' Malta u Għawdex.

 

Il-President ta' Malta flimkien ma l-istudenti ta' l-iskola Primarja Marija Bambina, Mellieha

 

Il-President ta' Malta flimkien ma l-istudenti ta' l-iskola Primarja Marija Bambina, Mellieha

 

Il-President ta' Malta flimkien ma l-istudenti ta' l-iskola Primarja Marija Bambina, Mellieha

 

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP