OPR - Il-Gimgħa, 21 ta' Dicembru, 2007
MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT GĦALL-MILIED U S-SENA L-ĠDIDA
LILL-MALTIN U L-GĦAWDXIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA
Ħuti Maltin u Għawdxin li tgħixu barra pajjiżna,
Huwa pjaċir għalija li għal darb’oħra, f’għeluq is-sena u fiż-żmien il-Milied nindirizzakom u nerġa’ nindirizzakom bħala ħuti Malti u Għawdxin għax intom ukoll qed tgħixu barra bqajtu tħossukom marbutin ma` din il-gżira sabiħa tagħna.
Is-sena li għaddiet kienet sena li naħseb nista’ ngħid illi għexniejha fis-sliem u rajna il-pajjiż ikompli miexi l’quddiem. It-tielet sena ta’ Malta bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea ikkonfermat illi l-għażla li saret kienet għażla ta’ fejda għal poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-ġid qiegħed jidher. Naħseb li dak li nisma’ mingħand il-barranin meta jiġu jżuruna, illi l-Maltin qed ngħixu ħajja ta’ livell relattivament għoli, hija verita`: Verita` illi ħassejt pjaċir kbir tiġi ikkonfermata meta pereżempju żaruna f’pajjiżna żewġ kapijiet ta’ Stat f’Viżita Statali.
Kellna l-viżita tal-President ta’ l-Ungerija, pajjiż ieħor li daħal flimkien ma’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Huwa ma kellux ħlief tifħir għal mod kif Malta qegħda tiżviluppa: tiġbed lejha investimenti minn barra u dan iġegħlna lkoll ngħixu aħjar.
Kellna wkoll viżita statali mill-President tal-Ġermanja; il-Ġermanja – pajjiż kbir, pajjiż li ilu membru fl-Unjoni Ewropea mill-bidu li twaqqfet u l-istess diskors tiegħu kien illi Malta tidher li hija pajjiż illi jaf fejn sejjer, qiegħed miexi tajjeb u dan jirrifletti ruħu fil-livell ta’ l-għejxien tal-poplu tagħna.
Kelli l-pjaċir illi nilqa’ f’pajjiżna kapijiet ta’ Stat oħra f’viżiti mhux uffiċjali. L-iktar waħda magħrufa u naħseb li ħa pjaċir biha l-poplu Malti, kienet il-viżita tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni li kienet hawn f’Novembru, propju fid-data tas-sittin anniversarju tat-tieġ tagħha. Ħadet pjaċir terġa tkun fostna, qagħdet hawn San Anton, fil-palazz tal-President u esprimietli l-pjaċir tagħha li żammejna dawn ir-rabtiet ta’ stima magħha u mal-poplu Ingliż.
Kelli wkoll viżita tal-President ta’ Trinidad and Tobago li kien qiegħed fuq vakanza u waqaf hawn Malta għal ftit sigħat u jiena lqajtu hawnhekk. Esprima wkoll kemm għandu ammirazzjoni għal Malta bħala membru tal-Commonwealth: il-Commonwealth li aħna żammejna rabtiet kbar miegħu, ipparteċipajna wkoll fl-aħħar laqgħa fl-Uganda. Kelli l-pjaċir nilqa’ lill-Ex President Lech Walesa tal-Polonja li nafu kien il-bniedem li għen ħafna biex ġab il-waqa’ tal-komuniżmu u l-liberazzjoni nistgħu ngħidu għad-demokrazija tal-pajjiżi tal-Lvant ta’ l-Ewropa.
Naħseb illi din is-sena kienet sena li fiha l-poplu Malti għaraf jimxi ’l quddiem u ġraw u se jiġru avvenimenti ta’ importanza. Issa sirna diġa`membri ta’ dik li jsejħula ix-Schengen Area – li aħna l-Maltin nistgħu nduru, mhux aħna l-Maltin biss, imma kull min jidħol Malta jista’ jżur il-pajjiżi ta’ l-Ewropa mingħajr il-bżonn ta’ passaporti, mingħajr il-bżonn ta’ kontrolli fil-borders tal-pajjiżi. Naħseb intom tafu wkoll li s-sena d-dieħla Malta ser tidħol fiż-żona ta’ l-Ewro. Naħseb li dawn iż-żewġ avvenimenti huma ta’ interess mhux biss għalina l-Maltin li ngħixu hawn imma huma wkoll ta’ interess għalikom l-Maltin li tgħixu barra minn gżiritna.
Jiena naħseb illi pajjiżna jista’ jħares ’l quddiem b’fiduċja u b’kuraġġ. Meta nħares lura naturalment, nifhem kif tifhmu intom, l-akbar avveniment li kellna kienet il-kanoniżazzjoni ta’ l-ewwel qaddis Malti, San Ġorg Preca. Dun Ġorġ Preca kif bqajna nsejħulu, tant għamel ġid għall-poplu tagħna, anke fostkom, intom li qegħdin l-Awstralja, l-Kanada u l-Ingilterra. Kien avveniment li ipparteċipajna bis-sħiħ fih. Eluf ta’ Maltin marru għall-kanoniżazzjoni; jiena kelli l-pjaċir li mmexxi delegazzjoni li kienet magħmula wkoll mill-Prim Ministru, mill-Kap ta’ l-Opożizzjoni u mill-Ispeaker tal-Parlament.
Inħarsu b’kuraġġ lejn is-sena li ġejja. Fi żmien il-Milied aħna lkoll nirriflettu fuq il-valuri, il-valuri li jagħtuna l-identita’ tagħna bħala Maltin u Għawdxin. Il-valur tal-familja li rridu naraw li tkompli tissaħħaħ, ma tibqax tidgħajjef kif qed jiġri sfortunatament f’ħafna pajjiżi. Dan huwa żmien li aħna nimtlew bil-ferħ fih, nimtlew bil-kuraġġ u għalhekk huwa pjaċir għalija li nawguralkom ilkoll Milied ħieni, Milied fil-kwiet, Milied fil-paċi fil-familji tagħkom. Nawguralkom ukoll illi s-sena dieħla tkun sena mimlija risq għal kulħadd.
Insellmilkom u nerġa` nassigurakom illi aħna l-Maltin ta’ Malta kburin bikom.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |