OPR -  It-Tnejn,  24 ta' Dicembru, 2007

 


MESSAĠĠ TAL-MILIED U S-SENA L-ĠDIDA  MILL-PRESIDENT TA’ MALTA


 

Ħuti Maltin u Għawdxin, huwa pjaċir tiegħi li għal darb’oħra inwasslilkom l-awguri għal Milied ħieni u sena mimlija risq.

 

Naħseb huwa żmien tajjeb, żmien il-Milied, illi nirriflettu, għaliex aħna nagħtu dan l-awguri lil xulxin? Naħseb li l-awguri tagħna jridu jfissru li aħna għandna sens qawwi ta’ dawk il-valuri li huma meħtieġa biex ikollna soċjeta’ moderna, ċivili, b’saħħitha; valuri li huma s-sinsla ta’ din is-soċjeta’ ċivili li aħna rridu ngħixu u naħseb ta’ min nippruvaw nifhmu x’inhuma dawn il-valuri.

 

L-ewwel valur huwa bla dubbju ta’ xejn dak tar-rispett lejn id-dinjita’ ta’ kull persuna. Kull persuna għandha id-dinjita’ eżattament għax hi persuna. Pero’, id-dinjita’ ta’ kull persuna ġġib magħha valuri oħrajn, per eżempju il-valur tax-xogħol: illi kull persuna għandha jkollha l-opportunita’ li taħdem biex taqla x’tiekol u tgħix ħajja deċenti. Il-valur tad-dinjita’ tal-persuna jġib miegħu dak ir-rispett meħtieġ biex ngħixu bħala soċjeta’ u naħseb allura rridu nitkellmu fuq il-fatt illi l-partijiet soċjali kollha f’pajjiżna jingħaqdu flimkien biex jiksbu l-aqwa ġid għal kullħadd.

 

Irridu nitkellmu fuq valuri oħra: Ir-rispett lejn id-drittijiet fondamentali tal-bniedem,  il-liberta’ ta’ kull wieħed u waħda minnha, il-liberta’ tal-ħsieb ta’ kull wieħed u waħda minnha. Irridu nitkellmu fuq il-valur ta’ l-edukazzjoni. Mingħajr edukazzjoni persuna ma tilħaqx dak il-livell illi jixirqilha bħala persuna. Irridu nitkellmu fuq il-valur tal-familja: soċjeta’ li m’għandhiex familja b’saħħitha tkun qiegħda tiġġarraf bil-mod il-mod u allura rridu, partikolarment f’dan iż-żmien tal-Milied, aħna nifhmu kemm hu importanti li f’pajjiżna nżommu il-familja tagħna qawwija, b’saħħitha, valur importanti ħafna għalina lkoll.

 

Irridu nifhmu li fi żminijiet ta’ globalizzazjoni li qed ngħixu fihom, dawn il-valuri kultant ikunu mhedda u allura huwa id-dmir tagħna, kull wieħed bħala individwu, li niddefendu dawn il-valuri, nifmuhom dawn il-valuri, nipprattikawhom dawn il-valuri.

 

Jiena naħseb żmien il-Milied huwa żmien opportun ħafna biex nieqfu daqsxejn minn din il-ħajja mgħaġġla, li bilfors qiegħdin ngħixu u naraw jekk hux kull wieħed minnha qiegħed jaqdi dmiru biex dawn il-valuri jkomplu jissaħħu f’pajjiżna. Is-sena li għaddiet kienet sena li, naħseb il-poplu Malti jista’ jgħid li kienet sena tajba għal pajjiż kollu kemm hu.

 

Kullħadd ikollu l-problemi naturalment, pero’ naħseb li l-pajjiż mexa’ ‘l quddiem u nistgħu nħarsu b’fiduċja għal li ġej. Issa aħna membri ta’ l-Unjoni Ewropea, membri sħaħ fis-sens illi dħalna f’dak kollu li tfisser l-Unjoni Ewropea: il-liberta’ tal-moviment, dak li jissejjaħ id-drittijiet ta’ Schengen, illi issa ser jibdew japplikaw għalina wkoll. Id-drittijiet li jkollna munita’ komuni li huwa s-sisien għall-iżvilupp ekonomiku.

 

U nħarsu naturalment lejn is-sena l-ġdida; sena illi fiha l-poplu Malti se jeżerċita wieħed mid-drittijiet ewlenin ta’ soċjeta’ demokratika: id-dritt li jagħżel lil min imexxieh, id-dritt li jmur f’elezzjoni u jivvota biex ikollu l-membri deputati li jirrappreżentawh fil-parlament tagħna. Jiena m’għandhiex dubbju illi l-poplu Malti jifhem dan kollu, japprezza dan kollu u b’ħerqa l-poplu Malti jeżerċita d-drittijiet tiegħu s-sena li ġejja.

 

Naħseb illi s-sena li għaddiet kienet sena fejn id-dehra ta’ Malta kompliet titjieb. Jiena kelli l-pjaċir inżur pajjiżi bħala President: mort l-Alġerija fejn kelli laqgħa mal-President ta’ hemmek li wera l-istima’ illi huwa għandu għall-poplu tagħna. Jiena kelli okkażjoni illi nilqa’ hawnhekk lill-President ta’ l-Ungerija, lill-President tal-Ġermanja. Ċertament dawn huma kollha okkażjonijiet fejn wieħed jifhem min huma l-Maltin, xi jfisser illi tkun Malti u d-dehra ta’ pajjiżna tkompli tikber.

 

Jiena persważ illi s-sena d-dieħla ser tkun sena fejn il-poplu Malti jibqa’ jgħożż dawn il-valuri illi semmejt, jibqa’ jgħix verament l-ispirtu ta’ solidarjeta’.  Is-solidarjeta’ hija forsi l-aqwa fost il-valuri u aħna l-Maltin magħrufin illi aħna poplu li jimpurtana minn xulxin f’sens pożittiv, jiġifieri illi aħna s-sens ta’ solidarjeta’ nipprattikawh kif inħarsu lejn min għandu bżonnijiet partikolari. Kullħadd jaf illi l-Presidenza ta’ Malta hija responsabbli għal dik li tissejjaħ il-Community Chest Fund, il-ġbir ta’ flus biex jitqassmu bejn min għandu bżonnijiet li m’humiex milħuqa mod iehor. Jiena persważ li s-sena d-dieħla tkun sena fejn il-poplu Malti jerġa’ juri dan l-ispirtu ta’ solidarjeta’.

 

U għalhekk, l-awgurju tiegħi huwa lilkom ilkoll biex tgħixu Milied ħieni fost il-familji tagħkom u wkoll is-sena d-dieħla tkun waħda illi verament tkun ta’ ġid għal kullħadd. Meta ngħid għal kullħadd irridu nifhmu illi m’aħniex qiegħdin nitkellmu fuq dak il-ġid ġenerali li jitkejjel u ngħidu li l-ekonomija mxiet il quddiem għax kellna tant żiediet fil-GDP tal-pajjiż, dak importanti ħafna; pero’ rridu niżguraw li dak il-ġid ukoll jitqassam b’mod illi tabilħaqq ngħixu is-solidarjeta’ ta’ pajjiżna.

 

Dan huwa l-awgurju tiegħi, u persważ li l-poplu Malti u Għawdxi ser jagħmel ħiltu kollha biex ikompli jżomm il-valuri, iqawwi l-valuri li huma tradizzjonali għalina. Valuri illi huma ġejjin minn natura tal-bniedem stess, pero’ huma valuri li nifmuhom iktar jekk nifhmu l-ispirtu nisrani, l-ispirtu kristjan u aħna bħala poplu, ma hemmx dubbju, illi ħafna jħarsu lejna illi aħna poplu li għadna ngħożżu dawn il-valuri nsara. U għalhekk, jiena nerġa’ ngħid illi m’għandiex dubbju li s-sena dieħla ser tkun sena illi l-poplu Malti jgħixha fil-kwiet, jgħixha fis-sliem, jgħixha fit-tkattir ta’ ġid illi jkun għal kullħadd.

 

Insellmilkhom.

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP