OPR - Il-Ħamis, ta' 30 Marzu, 2006
L-GĦAQDIET VOLONTARJI JOĦOLQU L-IDENTITA’ - IL-PRESIDENT TA’ MALTA JILTAQA MA’ GĦAQDIET VOLONTARJI FIL-MOSTA
“L-għaqdiet fil-komunita` joħolqu identita’ fil-lokalita`, li tirrifletti wkoll dik tal-Poplu kollu Malti.” Dan kien l-kumment tal-President ta’ Malta, Dr Eddie Fenech Adami nhar il-Ħamis 30 ta’ Marzu fil-ftuħ tal-laqgħa tiegħu ma’ sebgħa u għoxrin għaqda volontarja fil-Mosta. Din kienet it-tieni parti tal-programm uffiċjali tal-President fil-Mosta fejn kellu l-opportunita’ jisma r-rappresentanti tal-għaqdiet jispjegaw l-għanjiet u ħidmiet li jwettqu fil-komunita’ Mostija.
Il-President qal li fil-kariga tiegħu jħoss id-dmir li għandu jkun viċin in-nies. Permezz ta’żjarat li jagħmel fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex jfittex li jippromwovi wkoll l-identita` tal-pajjiż.
Il-President Fenech Adami qal li l-għaqdiet fil-komunitajiet għandhom funzjoni oħra importanti. Huma joħolqu demokrazija parteċipattiva, għal soċjeta` ċivili magħquda fl-organizazzjonijiet volontarji diversi.
Il-President filwaqt li esprima il-pjaċir tiegħu għan-numru kbir ta’ attendenza, sostna li l-laqgħa kienet indikazzjoni li l-Mosta għandha komunita’ ħajja. Minkejja li kull għaqda għandha skop partikolari, fl-istess ħin tħaddan skop ewlieni: dak li joħolqu soċjeta’ ferħana.
Il-President Fenech Adami żied jgħid li l-Poplu Malti għandu karatteristika ewlenija, jifhem il-bżonn ta’ solidarjeta` li titwassal wkoll permezz ta’ għaqdiet volontarji.
Filwaqt li l-President ta’ Malta iddeskriva din il-laqgħa bħala waħda verament pożittiva, feraħ lill-Kunsill tal-Mosta li rnexxielu jikkoordina laqgħa għal numru tant kbir ta’ għaqdiet Mostin.
Nhar l-Erbgħa, 29 ta’ Marzu, l-President żar tlett skejjel fil-Mosta u ser jgħalaq iż-żjara tiegħu fil-lokalita` nhar il-Ħadd 2 ta’ Marzu tul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, meta flimkien mas-Sinjura Fenech Adami ser jiltaqgħu mar-residenti Mostin f’diversi attivitajiet.

Il-President jindirizza r-rapreżentanti ta' l-għaqdiet volontarji fil-Mosta. Hdejh jidher is-sindku tal-Mosta, is-Sur Joe De Martino.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |