OPR - Il-Ħadd, 4 ta' April, 2006

 


IL-MOSTA HI LOKALITA` ĦAJJA U ATTIVA - TINTEMM IŻ-ŻJARA UFFIĊJALI TAL-PRESIDENT U S-SINJURA FENECH ADAMI FIL-MOSTA


“Lokalita’ ħajja u attiva li tħaddan identita` Maltija” dan qalu fil-Mosta il-President Eddie Fenech Adami li flimkien mas-Sinjura Fenech Adami temm l-aħħar jum taż- żjara uffiċjali fil-lokalita’.

 

Waqt li ndirizza l-Kunsill Lokali u l-mexxejja ta’ l-għaqdiet, il-President qal li l-esperjenza tiegħu fil-Mosta kienet pożittiva għax il-Mosta  qed taħdem biex taffronta l-isfidi ta’ żmienna. Wara li semgħa d-diskors tas-Sindku, is-Sur Joe De Martino, li spjega ħidmet il-Kunsill Lokali, il-President qal li l-Kunsill Lokali jidher li hu konxju mil-bidliet u qed jaħseb biex jilqagħhom. Irrefera għal globalizazzjoni u qal li din għandha effett li jmur ukoll lil hinn mill-ekonomija tal-pajjiż. Il-Mosta għandu popolazzjoni li qed tespandi. Għalhekk il-Kunsill flimkien mal-għaqdiet mhux governattivi għandhom l-għan li jsibu mezz kif jilħqu dawk li qeghdin fil-periferija tal-lokal.

 

Meta żar il-każini l-President qal li fil-Mosta tinħass il-ħajja. L-għaqdiet volontarji, huma madwar tmienja u għoxrin fil-Mosta, għandhom rabta intima mal-komunita` u ma` l-ispirtu tal-knisja kattolika f’pajjiżna.  Żied jgħid li dawn għandhom valur intrinsiku: xogħlhom hu li jgħaddu il-valuri b’entużjażmu f’kull qasam li jaħdmu fih, ukoll jekk jaħdmu għas-suċċess tal-festa tar-raħal, għax din hi parti mill-identita` kulturali u reliġjuża tagħna l-Maltin.

 

“Kemm l-għaqdiet, kif ukoll il-Kunsill Lokali, qed juru li l-Poplu Malti huwa wieħed li jimpurtah minn xulxin; għaliex bil-ħidma tagħhom joħolqu poplu ferħan.” Dan deher tul it-tlett ijiem taż-żjara uffiċċjali, fl-iskejjel, mal-għaqdiet voluntarji u fil-każini.

 

Mal-wasla tiegħu fil-Mosta dalgħodu, il-President ġie milqugħ mis-sindku is-Sur Joe De Martino, meta żar il-Mosta Football Grounds fejn iltaqa` mat-tfal tal-Mosta Nurseries. Wara żar il-Katakombi Ta’ Bistra, li jmur lura għall-ewwel seklu wara Kristu, li hu wieħed mill-proġetti li l-Kunsill Loakli qed jaħdem biex ikun skavat  u rranġat biex ikunu jistgħu iżuruh  u jgawduh Maltin u turisti.

 

Il-President Fenech Adami  żar il-Każini tal-Baned, is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija, is-Soċjeta’ Filarmonika Nicolo’ Isouard’ u l-Każin l-Għaqda tan-Nar 15 ta’ Awissu.

 

Wara s-smiegħ tal-quddiesa fir-Rotunda, il-President flimkien mas-Sinjura Fenech Adami inawgura Dawra bir-Roti organizzata għal okkażjoni u fi tmiemha l-parteċipanti ngħataw tifkira.  

 

Sadanittant is-Sinjura Mary Fenech Adami, żaret il-kunvent ta’ Santa Monika u rezidenza ta’ l-anzjani Pax et Bonum u lis-Sinjura Mary Tonna li taħdem il-ganutell.

 

Il-President jiltaqa' uhud mir-residenti mostin hekk kif jasal il-Mosta Football Grounds

Il-President jiltaqa' uhud mir-residenti mostin hekk kif jasal il-Mosta Football Grounds

Il-President Fenech Adami jinawgura Dawra bir-Roti mal-Mosta

Il-President Fenech Adami jinawgura Dawra bir-Roti mal-Mosta

 

Is-Sinjura Fenech Adami tiltaqa' ma wħud mir-residenti fid-dar ta' l-Anzjani Pax et Bonum

Is-Sinjura Fenech Adami tiltaqa' ma wħud mir-residenti fid-dar ta' l-Anzjani Pax et Bonum

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP