OPR- Il-Ħadd, 17 ta` Ottubru, 2004

 


Il-PRESIDENT JAGĦMEL ŻJARA UFFIĊJALI FL-IMQABBA


Il-President ta` Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Dr. Edward Fenech Adami, dalgħodu żar il-lokalita` ta` l-Imqabba fl-ewwel ġurnata minn program ta` attivitajiet ta` Jum l-Imqabba. Waqt din iż-żjara uffiċċjali l-President kien akkumpanjat mis-Sindku ta` l-Imqabba, Is-Sur Noel Galea.

 

Mal-wasla tiegħu fil-lokal, il-President attenda l-quddiesa ta` ringrazzjament f’għeluq is-sena ta` ħidma mill-Kunsill Lokali li ġiet iċċelebrata fil-knisja tal-parroċċa.

 

Wara l-quddies il-President inawgura l-ftuħ ta` wrija ta` pittura ta` artista żagħżugħa mill-Imqabba, Maria Tonna, li ħadet premju presitġjuż ġewwa ċ-Ċina. Din il-wirja qed issir fl-Isptar il-Qadim. Il-President Fenech Adami filwaqt li faħħar ix-xogħol tal-Kunsill li fost affarjiet oħrajn ħa ħsieb għar-riabilitazzjoni ta` dan il-bini li fi żminijiet oħrajn kien jintża bħala sptar, irrimarka kif ix-xogħol tal-kunsill qed iservi biex jagħti spinta lit-talent lokali. Huwa faħħar is-suċċess taż-żagħżugħa u qal li x-xogħol tagħha huwa eżempju ċar ta` kif anke raħal żgħir bħall-Imqabba kapaċi jipproduċi t-talenti f’kull qasam.

 

 Il-President jidher maz-żagħżugħa Maria Tonna li qed tagħti dettalji fuq waħda mill-pittura tagħha

Il-President jidher maz-żagħżugħa Maria Tonna li qed tagħti dettalji fuq waħda mill-pittura tagħha

 

Il-President Fenech Adami żar wkoll diversi soċjetajiet u każini tal-lokal fejn iltaqa`, mal-kumitati u l-membri rispettivi tagħhom. Iż-żjara sabet it-tmiem tagħha fil-bini muniċipali tal-Kunsill Lokali.

 

Filwaqt li wera s-sodisfazzjoni ta` l-istedina f’din il-lokalita`, il-President iddeskriva l-Imqabba bħal raħal zgħir tipikament malti. Huwa żied jgħid li “il-Kunsill lokali servew sabiex kulħadd jsir iktar konxju ta` kemm hu importanti li nżommu dak li jiddistingwina anke fiċ-ċokon ta` pajjizna.”

 

L-Eċċellenza Tiegħu esprima l-pjaċir tiegħu li l-għaqdiet tal-volontarjat, li  huma s-sinsla tal-komunita`, jippartecipaw b’mod attiv fil-lokalita`  biex b’hekk anke huma jkunu qed jagħtu kontribut għal ġid tal-pajjiż kollu. Il-President Fenech Adami awgura lil Kunsill Lokali sabiex jkomplu jaħdmu għal ġid tar-raħal u tar-residenti.

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP