OPR- It-Tnejn 20 ta' Diċembru 2004

 


MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, GĦALL-MILIED U S-SENA L-ĠDIDA LILL-MALTIN U GĦAWDXIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA


Ħuti Maltin u Għawdxin li tgħixu f’postijiet barra minn Malta, huwa ta’ unur u pjaċir kbir għalija li għal darba oħra nibgħatilkom messaġġ din id-darba bħala President ta’ Malta. Jiena ħassejtni onorat ħafna meta l-Parlament bil-vot tiegħu tani mandat biex inkompli nservi lill-Poplu Malti din id-darba bħala President – l-ogħla kariga istituzzjonali ta’ pajjiżna.

 

Ħadt pjaċir għax hija kariga li lili żżommni viċin il-Poplu Malti, viċin il-Maltin kollha huma fejn huma. Jiena għandi memorji sbieħ ta’ kemm-il darba fis-snin imgħoddija iltqajt magħkom, memorji sbieħ għaliex ħassejt jiena stess ir-rabta li intom żammejtu ma’ art twelidtkom, rabta li intom tistmawha. Ġieli staqsejt lili nnifsi - għaliex il-Maltin anke meta jitbgħedu minn artna jibqgħu jidentifikaw ruħhom bħala Maltin u Għawdxin? Naħseb li r-risposta għad-domanda hija li intom ilkoll kburin li intom Maltin u Għawdxin, kburin għax tifhmu x’aħna, aħna l-Maltin.

 

Aħna l-Maltin li għandna tradizzjoni, li għandna storja, li għandna kultura li tgħaqqadna lkoll flimkien u li tidentifikana minn fost popli oħra. Mhux għax aħna xi poplu superjuri għal oħrajn imma għax aħna min aħna – aħna l-Maltin. Bi storja li tmur lura eluf ta’ snin kif jixhdu t-tempji megalitiċi ta’ pajjiżna. L-istudjużi jgħidu li t-tempji jmorru lura sa ħamest elef sena qabel Kristu, sebat elef sena ilu. U kif f’din id-daqsxejn ta’ gżira, il-Maltin bnew dawk il-monumenti tant kbar, tant grandjużi?  Kważi misteru fl-istorja ta’ pajjiżna.  Matul is-sekli, il-poplu Malti baqa’ jidentifika ruħu bħala Poplu dħuli, bħala Poplu li joffri ospitalità, bħala Poplu li jimpurtah minn ħaddieħor, bħala Poplu li jaf x’inhuma l-valuri veri tal-ħajja. U naħseb inkun qed ngħid is-sentimenti tal-Poplu Malti kollu meta ngħid, aħna li bqajna ngħixu f’Malta grati lilkom li ħadtu dawn il-valuri magħkom fl-artijiet li qegħdin tgħixu.

 

L-aħħar tas-sena huwa żmien ta’ ferħ. Il-ferħ li jġib miegħu l-Milied, il-Milied li huwa l-ikbar avveniment fl-istorja tad-dinja – it-twelid ta’ Kristu. It-twelid ta’ Kristu li biddel l-istorja tad-dinja u ta’ valuri li llum aħna kburin bihom. Nitkellmu fuq iċ-ċiviltà kristjana. Iċ-ċiviltà kristjana li hi identifikata per eżempju ma’ l-Ewropa. Naħseb illi fl-aħħar tas-sena rridu nħħossuna ferħanin, ferħanin għax irnexxilna nerġa’ ngħid, inżommu l-valuri tagħna. Ferħanin ukoll għax għaddiet sena oħra li kienet sena movimentata kemm f’Malta u kemm fix-xena internazzjonali.

 

F’Malta bla dubju ta’ xejn l-ikbar avveniment kien dak ta’ l-1 ta’ Mejju. Fl-1 ta’ Mejju Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, Unjoni ta’ ħamsa u għoxrin pajjiż Ewropej li huma maqgħudin flimkien fuq il-bażi ta’ prinċipji li huma jħaddnu:  ir-rispett lejn il-bniedem, id-dinjità tal-bniedem, id-demokrazija. Dan huwa li jgħaqqad il-Poplu ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Poplu Malti feraħ fl-1 ta’ Mejju għaliex għamilna pass ieħor ’il quddiem fl-istorja politika u kostituzzjonali tagħna. Issa li aħna Ewropej fil-veru sens tal-kelma membri ta’ l-Unjoni Ewropea, nafu li għandna drittijiet ġodda u għandna dmirijiet ġodda. Meta ngħid aħna ninkludi lilkom, il-Maltin li tgħixu barra. Intom il-Maltin li tgħixu barra u għad għandkom iċ-ċittadinanza Maltija, issa intom wkoll mhux tissejħu biss imma realment intom ċittadini ta’ l-Ewropa, bid-drittijiet bħala ċittadini ta’ l-Ewropa.

 

Irridu niftakru wkoll li kull dritt iġib miegħu dmir. Aħna f’Malta b’mod partikolari għandna dmirijiet li issa ser joħorġu b’mod aktar ċar, kemm id-drittijiet u kemm id-dmirijiet, mill-kostituzzjoni ta’ l-Ewropa. Kif tafu, il-ħamsa u għoxrin membru ta’ l-Unjoni Ewropea diġà ffirmaw trattat bejniethom dwar il-kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan jfisser li nkunu nafu iktar x’inhuma d-drittijiet tagħna, id-drittijiet li nsemmgħu leħenna, id-drittijiet li nieħdu parti f’deċiżjonijiet internazzjonali li jolqtu mhux lilna biss imma li jolqtu lill-pajjiżi ta’ l-Ewropa u lil hinn minna.  Huwa pass importanti ħafna fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa bla dubju l-ikbar avveniment ta’ din is-sena.

 

Naturalment, din is-sena mhux kollox kien ward u żahar anke għalina hawn Malta. Għandna sfidi ġodda, għandna problemi ġodda li ġejjin mill-bidla kbira li l-Poplu Malti u Popli oħra għaddejjin minnhom. Jekk inħarsu lejn ix-xena internazzjonali naħseb li għandna għaliex ninkwetaw. Din is-sena b’mod partikolari naħseb li għolla rasu bħal qatt qabel dak li qed insejħulu t-terroriżmu internazzjonali. Ebda pajjiż ma huwa ħieles minn dan it-terroriżmu. Daqqa jolqtu hawn, daqqa jolqtu hemm. Smajna bi traġedji kbar fil-11 ta’ Marzu fi Spanja, traġedja kbira f’Beslan fir-Russja fejn mietu mijiet ta’ nies u tfal innoċenti. Aħna l-poplu Malti bħalissa grazzi għal ħafna familji Maltin ser nilqgħu fostna uħud minn dawn it-tfal ta’ Beslan. Il-Poplu Malti huwa magħruf għas-solidarjetà u għal ħniena li dejjem juri. Jiena nfaħħar lill-poplu tagħna għall-ġenerożità tiegħu talli jieħu ħsieb, talli jimpurtah minn ħaddieħor.

 

Irridu nħarsu ’l quddiem. L-ispirtu tal-Milied għandu jimliena b’kuraġġ u b’determinazzjoni li nagħmlu l-aħjar li nistgħu għall-ġid tagħna stess u għall-ġid ta’ l-oħrajn. Is-sena li ġejja ser tkun sena importanti fil-qasam internazzjonali. Fil-bidu tas-sena nafu li ser jkun hemm elezzjoni fil-Palestina li ser teleġi President u importanti ħafna, nittamaw li tirnexxi, l-elezzjoni fl-Iraq. J’Alla s-sena l-ġdida tkun sena li ġġib paċi fost il-popli li qegħdin isofru mill-gwerer b’ħafna tbatija.

 

L-awgurju tiegħi lilkom ilkoll ħuti Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn Malta huwa li jkollkom Milied ħieni partikolarment fil-familji tagħkom u li s-sena l-ġdida tkun sena mimlja risq u hena.

 

Insellmilkom.
 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP