OPR- Il-Ġimgħa, 24 ta' Diċembru 2004

 


MessaĠĠ tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena Mill-President ta’ Malta, L-e.t. Dott. edward fenech adami


 

Ħuti Maltin u Għawdxin, għal darba oħra huwa pjaċir tiegħi li nidħol fi djarkom. Din id-darba sejjer inkellimkom bħala President ta’ Malta.  Irrid ngħid l-ewwel ħaġa, li ħassejtni kburi u onorat fil-mandat li tani l-Parlament Malti biex għal ħames snin, bl-għajnuna ta’ Alla, nibqa’ nservi lill-poplu Malti issa fl-ogħla kariga kostituzzjonali tal-pajjiż.

 

L-aħħar tas-sena huwa ż-żmien meta mdorrijin nagħtu ħarsa lura lejn is-sena li tkun għaddiet u ħarsa ’l quddiem lejn is-sena li sejra tibda.  Meta nħarsu lejn is-sena li għaddiet nistgħu ngħidu li kienet sena pjuttost movimentata. Movimentata għalina f’Malta, u movimentata fix-xena internazzjonali.

 

Bla dubju ta’ xejn, l-akbar avveniment għal pajjiżna fis-sena li ser tispiċċa, kien l-1 ta’ Mejju.  L-1 ta’ Mejju meta l-Poplu Malti feraħ li wara mkar kbir għal diversi snin ta’ preparazzjoni, irnexxielna nissieħbu ma` 24 pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea.  Żgur li tħares kif tħares lejn id-data ta’ l-1 ta’ Mejju din kienet xi ħaġa storika, għaliex is-sħubija fl-Unjoni Ewropea tfisser għalina kif ukoll għad-9 pajjiżi l-oħra ġodda fl-Unjoni Ewropea, żvilupp politiku u kostituzzjonali.  Żvilupp li se jġib miegħu ħafna konsegwenzi.  Se jġib miegħu dmirijiet ġodda għal pajjiżna; se jġib miegħu drittijiet ġodda għal pajjiżna u aħna l-poplu Malti rridu nirrispondu b’kuraġġ, b’fiduċja kbira f’dan il-pajjiż li huwa żgħir.  Naħseb kien avveniment storiku għalina illi aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar irridu issa bil-ħila tagħna lkoll, bil-ko-operazzjoni tagħna lkoll insarrfuh f’ġid għal pajjiżna.  Din m’hiex xi ħaġa faċli għax kulħadd jaf illi t-tibdil iġib miegħu problemi, iġib sfidi ġodda, u Malta għandna sfidi quddiemna, però bħal dejjem jiena ċert li aħna, il-Poplu Malti kollu kemm hu, ningħaqdu flimkien biex dawn l-isfidi ndawruhom f’opportunitajiet.

 

Naħseb li jekk inħarsu lejn ix-xena internazzjonali nsibu li din is-sena kienet iddominata minn fenomenu li issa daħħal l-għeruq tiegħu tista’ tgħid mad-dinja

kollha - il-fenomenu tat-terroriżmu internazzjonali.  Kulħadd jiftakar ix-shock li ħadna lkoll meta fil-11 ta’ Marzu ta’ din is-sena kien hemm attakk terroristiku fi Spanja.  Niftakru t-traġedja li ġrat f’Beslan fir-Russja; it-terroriżmu li llum sar it-theddida ta’ kulħadd, lil kulħadd.  Jekk inħarsu mil-lat pożittiv, ħafna drabi nħoss li għandi nkun jien ottimist, ngħid dan il-fenomenu jġib miegħu fenomenu ġdid ukoll, fenomenu ta’ ko-operazzjoni ħafna aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi, bejn il-popli tad-dinja. U rridu nħarsu ’l quddiem b’kuraġġ.  Iż-żmien ta’ l-aħħar tas-sena, mhuwiex biss il-kalendarju imma xi jfisser għalina, u nafu fl-aħħar tas-sena li niċċelebraw il-Milied - l-akbar ġrajja fl-istorja tad-dinja; it-twelid ta’ Kristu fostna. Aħna l-Maltin kburin li issa għal millennji, għal żewġ millennji rnexxielna nżommu sħaħ il-valuri ta’ dak li huwa l-Kristjaneżmu.

 

Smajna ħafna f’dawn l-aħħar xhur fuq il-Kostituzzjoni Ewropea.  Huwa wkoll fattur importanti ħafna li 25 pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea ftehmu biex jagħtu qafas ġdid ta’ kif jaħdmu bejniethom fit-Trattat Kostituzzjonali għall-Ewropa.  Importanti ħafna - diġà 25 pajjiż iffirmaw dan it-Trattat u issa jonqos li jiġi ratifikat u lkoll kemm aħna, anke aħna l-Maltin ikollna aktar ċar x’inhuma d-drittijiet u d-dmirijiet tagħna bħala poplu ta’ l-Ewropa, bħala Ewropej.

 

Jiena naħseb li meta nħarsu lejn is-sena li ġejja rridu niftakru li ż-żmien tal-Milied huwa żmien meta jimliena, nimtlew aħna bil-fiduċja, bit-tama, bil-kuraġġ, għaliex nafu illi l-missjoni tagħna bħala bnedmin hija li naħdmu għas-solidarjetà lejn xulxin.  Aħna l-Poplu Malti magħrufa għas-sens ta’ ospitalità, għas-solidarjetà li nuru.  Semmejt it-traġedja ta’ Beslan. Jiena kburi li ħafna familji Maltin offrew li propju f’dan iż-żmien tal-Milied jospitaw tfal ta’ Beslan, li tilfu l-familji tagħhom li huma orfni, li batew tant.

 

Nerġa’ ngħid, inħarsu lejn is-sena l-ġdida. Naħseb li hemm sinjali ta’ ottimiżmu.  Wara l-mewt tal-mibki President Arafat fil-Palestina nafu li hemm xaqq ta’ dawl u nħarsu b’fiduċja lejn l-elezzjonijiet li se jsiru fil-bidu tas-sena għall-elezzjoni tal-President flok il-President Arafat.  Fl-Iraq - traġedja oħra kbira ta’ żmienna.  Dan il-poplu li tant bata taħt il-President li kellhom u li għadu tant ibati llum.  Nittamaw li fil-bidu tas-sena, il-poplu Iraqin ikollu l-opportunità li vera jagħżel il-mexxejja tiegħu u jerġa’ biex jaqbad it-triq tal-paċi u tal-progress.

 

Il-messaġġ tiegħi huwa: ma naqtgħux qalbna. Għandna l-valuri tagħna, il-valuri li jġegħluna nemmnu fil-ħajja, li jġegħluna nemmnu fina nfusna.  U l-awguri tiegħi huma lill-poplu Malti kollu, li aħna lkoll kemm aħna, l-ewwelnett insibu l-paċi fil-jiem tal-Milied, insibu l-paċi fil-familji tagħna u nħarsu ’l quddiem b’kuraġġ kbir lejn is-sena li ġejja. Nixtieq li nawgura lilkom ilkoll Milied hieni fil-familji tagħkom, Milied hieni ma’ dawk kollha li intom tiltaqgħu magħhom f’dawn il-ġranet, u sena mimlija riżq u hena għal kulħadd.

 

Grazzi.
 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP