OPR - Il-Ħamis, 29 ta' Marzu, 2007

 


 

IL-PALAZZ TA’ SAN ANTON GĦAL WIRI – IL-ĦADD, 15 TA’ APRIL

 


 

 

Il-President u s-Sinjura Fenech Adami jistiednu lill-pubbliku jżur il-Palazz ta’ San Anton, Ħ’ Attard u ukoll il-ġnien privat ta’ din ir-residenza uffiċjali tal-President ta’ Malta, nhar il-Ħadd 15 ta’ April, 2007 mid-9.30 ta’ filgħodu sas-6.00 ta’ filgħaxija.



Artisti lokali ser jkunu fil-ġnien privat ipittru xeni tal-Palazz. Barra minn hekk, ser ikun hemm ukoll pitturi oħra tal-Palazz magħmula mill-istess artisti. Dawn il-pitturi kollha ser ikunu jistgħu jinxtraw dakinhar u kwart mid-dħul jmur għal Malta Community Chest Fund, il-fond li jgħin lil min ikollu bżonnijiet bażiċi fil-ħajja ta’ kuljum, persuni li jakkumpanjaw pazjenti għall-kura medika barra minn Malta u pazjenti li jkollhom bżonn jixtru mediċini li jqumu l-flus.



Dawk interessati jistgħu jaraw il-pitturi fuq il-website tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni www.doi.gov.mt minn nhar it-Tlieta, 3 ta’ April.



 

 


Kull min jixtieq iżur il-Palazz ser jkun mitlub jagħti donazzjoni ta’ Lm1.50 (€3.49) lill-Malta Community Chest Fund.



Minn nhar it-Tlieta, 3 ta’ April, 2007 jista’ jsir il-ħlas on line minn fuq il-website tal-Heritage Malta www.heritagemalta.org jew mill-Head Office tal-Heritage Malta fi Triq Merkanti, il-Belt Valletta (ftit l-isfel mis-suq kif tiskorri l-Knisja tal-Ġiswiti). Tfal akkumpanjat minn adulti jidħlu b’xejn. Iktar taghrif dwar il-biljetti jista’ jinkiseb fuq in-numru tat-telefon 22954000.



Il-Palazz kellu l-bidu tiegħu meta l-Kavallier Franċiż Fra Antoine de Paule xtara bicca art viċin il-villaġġ ta’ Ħ’Attard u ppjana li fuqha jibni villa mdaqqsa sew li tipprovdi akkomodazzjoni għal numru ta’ djar fejn mistiedna tiegħu setgħu jogħqodu għal xi żmien kif ukoll għall-istaff domestiku. Il-Gran Mastru de Paule fl-1623 iddeċieda li jkabbar il-villa f’Palazz bl-isem ta’ San Anton, għall-qaddis patrun tiegħu.



Il-Gran Mastri li ġew wara de Paule baqgħu jużaw il-Palazz bħala r-residenza tagħhom fil-kampanja. Fi żmien l-Ingliżi kien jintuża bħala r-residenza tal-Gvernaturi u wara l-Indipendenza bħala dik uffiċjali tal-President ta’ Malta.



Aktar dettalji fil-qosor jingħataw fuq fuljett li ser jitqassam meta wieħed jkun dieħel il-Palazz ta’ San Anton, Attard.
 

 

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP