OPR - L-erbgħa 18 ta;' Ġunju 2008
IL-PRESIDENT JIPPREŻENTA L-PREMJU PAPA ĠWANNI XXIII GĦAT-TJUBIJA 2008
Il-President ta’ Malta, Dr. Eddie Fenech Adami ippreżenta l-premju Papa Ġwanni XXIII għas-sena 2008 lill-klassi tar-raba’ sena tal-Kulleġġ San Benedittu, Skola Primarja ta’ Ħal Kirkop li flimkien jagħtu ħafna attenzjoni u mħabba lil wieħed minn sħabhom, Felio Debono, tifel ta’ tmien snin li għandu Down Syndrome.
Il-President ta’ Malta faħħar l-aġir kollettiv ta’ dawn l-istudenti li ftehmu li jqassmu l-ħin bejniethom sabiex jgħinu lil Felio jintegra sewwa mal-kumplament ta’ sħabu. Żied jgħid li fl-okkażjoni tal-lum, aħna lkoll għandna x’nirriflettu fuq il-ħajja globalizzata li qegħdin ngħixu fiha, b’mod partikolari l-globaliżżazzjoni ta’ l-informazzjoni. Huwa saħaq li l-informazzjoni waħedha ma tfissirx għerf. L-għerf huwa tagħrif tagħna nfusna, x’aħna u fejn għandna naslu kull wieħed minnha.
L-għerf hu l-valur li jagħmilna bnedmin u jagħti tifsira lill-ħajja. It-fal ta’ din il-klassi għandhom dan l-għerf li jagħtu rikonoxximent lil wieħed minn sħabhom, jqisuh wieħed minnhom u jgħinuh f’dak li għandu bżonn. Saħansitra jwassluh għad-duttrina għand tal-Mużew.
Fid-diskors tiegħu, il-President Fenech Adami irringrazzja lill-Kulleġġ San Benedittu, Skola Primarja ta’ Ħal Kirkop u l-għalliema li b’tant dedikazzjoni jwasslu t-tagħlim tagħhom sabiex f’pajjiżna jkollna tfal li jgħożżu dawk il-valuri importanti tal-ħajja.
Chanice Cassar u Justin Cassar ġabru l-premju f’isem it-tfal tal-klassi kollha. Iċ-ċerimonja bdiet b’diskors ta’ Patri Dionisju Mintoff, id-Direttur tal-Laboratorju tal-Paċi li ilu għal dawn l-aħħar ħamsa u erbgħin sena jorganizza dan il-premju tat-tjubija fix-xahar ta’ Ġunju. L-iskop tal-premju huwa illi ixerred kultura ta’ solidarjeta’ kif ukoll sabiex ifakkar l-anniversarju tal-mewt tal-Papa Ġwanni XXIII, li miet fix-xahar ta’ Ġunju.


The President of Malta Eddie Fenech Adami presents the "Premju Papa Gwanni XXIII - Premju tat-Tjubija" to Chanise Cassar and Justin Cassar, on behalf of the 4th year class of St. Benedict College, Kirkop Primary School.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |