OPR - L-erbgħa 27, ta' Ġunju, 2007

 


IL-PRESIDENT JIPPREŻENTA L-PREMJU PAPA ĠWANNI XXIII GĦAT-TJUBIJA 2007


Il-President Eddie Fenech Adami ppreżenta l-premju Papa Ġwanni XXIII għas-sena 2007 lil Gail Mifsud, tifla ta’ 9 snin li tattendi l-iskola Primarja ta’ Marija Bambina tal-Mellieħa flimkien mal-ħabiba tal-qalb tagħha Deborah Cilia li għandha bżonnijiet speċjali.

 

Il-President Eddie Fenech Adami qal li Gail hija ta’ eżempju mhux biss għal sħaba u t-tfal ta’ tamparha iżda wkoll għaż-żgħażagħ u l-kbar. Din it-tifla hi ta’ eżempju għax minflok ma nkunu indifferenti lejn ħaddiehor, aħna għandna nifhmu u ngħinu biex b’hekk lkoll flimkien noħolqu soċjeta’ aħjar.

 

Il-President tkellem ukoll fuq kemm it-tagħlim mhux biżżejjed mingħajr l-għerf, jiġifieri l-kwalita’ li tagħti sustanza morali u etika lill-aġir tagħna.  Jekk ma jkollniex l-għerf li jaf jagħti l-ħajja, aħna ma’ nkunux nistgħu nilħqu l-iskop veru ta’ edukazzjoni.

 

Il-President qal ukoll li quddiem l-isfidi li qed niffaċċjaw illum aħna għandna nkunu ottimisti u nagħtu xhieda ta’ dan l-ottimiżu.  Dan nistgħu nagħmluh billi nieħdu eżempju mit-tfal li jaġixxu bl-onesta’ u b’sinċerita’ u billi nagħtu lilna nfusna lill-ħaddieħor b’għemilna hekk kif qed tagħmel Gail Mifsud

 

Il-ħbieberija ta’ Gail tgħin lil Deborah bi tbissima u bil-kumpanija tagħha tieqaf magħha sabiex tintegra mal-kumplament ta’ sħabha fil-klassi u nhar ta’ Sibt meta tattendi l-Craft Centre. Gail hija tifla ferrieħa,  minn ta quddiem fl-istudju u fl-attivitajiet. 

 

Fil-bidu taċ-ċerimonja tkellem ukoll Patri Dionisju Mintoff, id-Direttur tal-Laboratorju tal-Paċi li ilu għal dawn l-aħħar erbgħa u erbgħin sena jorganizza dan il-premju tat-tjubija fix-xahar ta’ Ġunju, ix-xahar li fih miet il-Papa Ġwanni XXIII.  Laura Coffi, li tattendi l-Iskola tal-Mużika daqqet silta mużikali bil-flawt.

 

 

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP