OPR - Il-Ħadd, 19 ta' Frar, 2006
IL-PRESIDENT TA’ MALTA U S-SINJURA FENECH ADAMI JGĦAMLU ŻJARA UFFIĊJALI FIL-LOKALITA’ TA’ PEMBROKE
“Pemborke hija komunita` ġdida, ħajja u żagħżugħa li qed tibni l-identita’ tagħha”
Dawn kienu l-kummenti ta’ l-Eċċellenza Tiegħu, Dott Edward Fenech Adami, President ta’ Malta, meta flimkien mas-Sinjura Fenech Adami dalgħodu żar il-lokalita` ta’ Pembroke. Tul iż-żjara, il-President kien akkumpanjat mis-Sindku, s-Sur Joe Zammit.
Hekk kif il-President wasal quddiem l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, ġie milqugħ mill-Pembroke Scouts u St. Michael’s Scouts. Hawnhekk, il-President u s-Sinjura Fenech Adami iltaqgħu mas-Sindku u l-Kunsilliera tal-lokal li urew l-apprezzament tagħhom li l-President u s-Sinjura Fenech Adami aċċettaw l-istedina tagħhom għal din iż-żjara f’Pembroke.

Il-President Fenech Adami u s-Sinjura Fenech Adami qed jiltaqaw ma' uħud mir-residenti ta' Pembroke.
Fuq ix-xellug jidher ukoll is-sindku s-Sur Joe Zammit.
Il-President Fenech Adami żar wkoll it-tlett Clubs Sportivi li huma l-Luxol Sports Club, Athleta Sports Club u Melita Sports Club, fejn spikkat il-parteċipazzjoni u l-entużjażmu ta’ diversi tfal u żgħażagħ involuti fi sports varji sa minn eta’ żgħira. Il-President żar Juno Flats, bini li, fuq inizjattiva tal-Kunsill u b’ħidma ma’ l-awtoritajiet ikkonċernati, ingħata manutenzjoni u dehra isbaħ.
F’post bħal Pembroke, li għandu konnessjoni qawwija mal-militar sa minn żmien il-Kavallieri u aktar riċenti mas-servizzi Ingliżi, li għal għexieren ta’ snin kienu żviluppaw Pembroke bħala belt għal militari u l-familji tagħhom, ma setgħax jonqos li l-President iżur il-Batterija ta’ Pembroke. Din inbniet bejn 1909 u 1912 mill-Ingliżi biex isservi bħala fortizza ta’ difiża għad-daħla tal-Port il-Kbir.
Qabel ma attenda għal quddies ta’ nhar ta’ ħadd fil-parroċċa ta’ Pembroke, il-President żar lill-artist Antoine Paul Camilleri pittur u statwarju li ta kontribut anke fil-komunita’ ta’ Pembroke. Fil-fatt wieħed, mix-xogħlijiet tiegħu huwa statwa ta’ tmien piedi ta’ Kristu Rxoxt li tinstab fil-Knisja ta’ Pembroke.
Sadanittant is-Sinjura Fenech Adami żaret lil Marthese Aquilina li għamlet diversi xogħlijiet tal-ganutell, artiġjanat li tagħllmet permezz ta’ course organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke. Is-Sinjura Fenech Adami żaret ukoll esebizzjoni ta’crafts magħmulin mit-tfal fil-bini tal-Kunsill.
Fi tmiem iż-żjara, il-President u s-Sinjura Fenech Adami kellhom l-opportunita` jiltaqaw ma’ membri ta’ assoċjazzjonijiet u residenti ta’ Pembroke fis-sala tal-Parroċċa.
Il-President Fenech Adami, filwaqt li qal li jħoss id-dmir li jżur diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, qal li kien ta’ pjaċir għalih li jżur il-lokalita` ta` Pembroke għax sab komunita’ li qed tinbena u li qed toħloq identita`. Il-President sostna li fiż-żminijiet tal-lum huwa mportanti li nsawru spirtu ċiviku, insibu dak li jgħaqqadna u ngħixu l-principji li nemmnu fihom. Żied jgħid illi Pembroke hija unika għalhiex tħaddan fiha tant organizzazjonijiet u għaqdiet li jiġbru t-tfal u ż-żgħażagħ flimkien.
Il-President ta’ Malta, filwaqt li rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ l-istedina għal din iż-żjara, sostna li l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke huwa wieħed li laħaq l-għanjiet tiegħu, għax tul dawn l-aħħar 12-il-sena kemm ilu imwaqqaf, għamel ħiltu biex joħloq komunita’ li ssawar il-prinċipji u l-valuri li jgħinuna ngħixu ħajja aħjar.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |