OPR - L-Erbgħa, 15ta' Ġunju, 2005

 


IL-PRESIDENT TA’ MALTA IPPREŻENTA L-PREMJU PAPA ĠWANNI XXIII GĦAT-TJUBIJA 2005


 

Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu, Dott. Edward Fenech Adami ppreżenta l-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija għas-sena 2005 lil Shaun Cassar tifel ta’ 13-il sena miż-Żejtun u li jattendi l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl ir-Rabat flimkien ma’ Matthew Chetcuti, tifel li jbati minn Celebral Palsy.

 

Matthew jimxi permezz ta’ ‘K walker’ li jiġbed warajh b’idejh it-tnejn u għalhekk ma jistax iġorr kotba u affarijiet oħra. Shaun, b’mod volontarju  joffri l-għajnuna tiegħu lil Matthew għal dak kollu li jkun hemm bżonn. Shaun jagħtih attenzjoni kontinwa b’paċenzja liema bħala jagħmillu kumpanija f’kull ħin u jagħtih l-assistenza meħtieġa anke fil-ħin liberu tiegħu.

 

 Il-President Fenech Adami jippreżenta l-premju lil Shaun Cassar

Il-President Fenech Adami jippreżenta l-premju lil Shaun Cassar

Fid-diskors tieghu, il-President ta’ Malta tkellem dwar is-suggett attwali ħafna dwar il- bio etika. Il-President għamel referenza dwar dak li kiteb dwaru il-Papa Benedettu XVI fejn qal li filwaqt li l-pożizzjoni tal-knisja kattolika hija ċara, l-istat għandu jagħmel ir-regoli tiegħu fuq l-esperimentazzjoni, regoli mibnija mhux tant fuq it-twemmin reliġjuż, iżda fuq argumenti antropoloġiċi. Hawnhekk ġab ezempju fuq l-importanza tal-familja tradizzjonali li hija antropoloġikament essenzjali għal bini ta soċjeta b’saħħitha.

 

Il-President Fenech Adami qal li l-pajjiż għaddej minn problema ta’ identita` minħabba mewġa ta’ ideat u teoriji f’isem il-liberta’ ta’ l-espressjoni u tal-ħsieb. Il-President ta’ Malta qal li dawn huma teoriji li jtelfu l-identita’ ta’ ħafna soċjetajiet.

 

Il-President qal li l-okkażjoni tal-lum tfakkarna fuq il-bżonn li ma nitilfux din l-identita’ u huwa għalhekk importanti li nippreservaw din l-identita` tagħna anke infakkru nies importanti li b’għemilhom tawna l-formazzjoni vera u ħolqu l-identita` tagħna bħala nazzjon.

 

Filwaqt li awgura lil Shaun tal-Premju li ngħata lilu, il-President ta’ Malta qal li minkejja d-diffikultajiet kbar fis-socjetajiet moderni għad għandna dwal li jixgħelu u jilluminawna. L-għajnuna volontarja u mill-qalb ta’ tfajjel bħal Shaun lejn sieħbu huwa wieħed ta’ eżempju għalina li lkoll irridu nagħtu l-aħjar li nistgħu għal ġid tal-poplu tagħna.

 

Fil-bidu taċ-ċerimonja tkellem wkoll Patri Dionisju Mintoff, id-direttur tal-Laboratorju tal-Paci.

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP