OPR - Il-Ħadd, 21 ta' Jannar 2007

 


Il-PRESIDENT F’ĦAL LIJA


 

“Ħal Lija huwa raħal żgħir bi storja u b’identita’, b’komunita’ li toffri solidarjeta bl-għaqdiet voluntarji tagħha” stqarr il-President Eddie Fenech Adami fi tmiem żjara uffiċjali f’Ħal Lija.

 

Il-President qal li Ħal Lija huwa raħal ħaj. Eżempju ta’ dan huwa l-fatt li l-każin tal-Banda Papa Piu X u dak tal-każin tal-Għaqda Soċjali Sant Andrija ilhom jeżistu għal iktar minn mitt sena. Dan juri li dawn l-għaqdiet irnexxielhom jaqdu funzjoni tajba, apprezzata minn nies tar-raħal u b’hekk jżommu is-soċjeta ħajja.

 

L-identita ta’ Ħal-Lija hi reflessa minn numru kbir ta bini antik li fihom, apparti l-istrittura sabiħa, wieħed għadu jsib il-kura u tgawdija taċ-ċitru. Il-President ħeggeg lill-kunsill sabiex jkompli jagħti kontribut mhux biss f’dak li huwa l-ambjent iżda wkoll lis-socjeta’ tar-raħal. Il-President qal li studju tad-demografija tar-raħal għandu jgħin sabiex il-Kunsill jara kif ir-raħal qed jevolvi u b’hekk ikun jista’ joħloq politika addattata għall-komunita’ u li tilħaq lir-residenti kollha.

 

Il-President irringrazzja lis-sindku Dr. Ian Castaldi Paris u l-kunsilliera kollha ta’ l-istedina fir-raħal u wera l-apprezzament tiegħu għall-laqgħa li ingħatat lilu u lis-sinjura Fenech Adami mir-residenti ta’ Ħal Lija waqt li iltaqa’ magħhom fuq iz-zuntier wara il-quddies tal-Ħadd filgħodu fil-Parroċċa tas- Salvatur.

 

Il-President żar lit-tfal ta’ Lija/Iklin Football Nurseries waqt it-training tagħhom kif ukoll lill-artist Anthony Muscat li jaħdem il-pasturi u l-bambini.

 

Is-sinjura Mary Fenech Adami żaret familji u s-sorijiet tal-Kunvent ta’ l-Ursolini kif ukoll ir-residenti ta’ St. Peter’s Home, dar għall-anzjani immexxija mis-sorijiet Dumnikani.

 

Il-President jiltaqgħa mar-resident ta' Ħal Lija wara l-quddiesa

Il-President jiltaqgħa mar-resident ta' Ħal Lija wara l-quddiesa

 

Is-Sinjura Fenech Adami żaret lill-anzjani f'St. Peter's Home, dar għall-anzjani f'Ħal Lija

Is-Sinjura Fenech Adami żaret lill-anzjani f'St. Peter's Home, dar għall-anzjani f'Ħal Lija

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP