OPR - L-erbgħa, 29 ta' Marzu. 2006
IL-PRESIDENT TA’ MALTA JŻUR SKEJJEL FIL-MOSTA BĦALA PARTI MILL-PROGRAMM TA’ ŻJARA UFFIĊJALI FIL-LOKALITA’ TAL-MOSTA
Il-President ta’ Malta flimkien mas-Sinjura Fenech Adami qed jagħmlu żjara Uffiċjali fil-lokalita’ tal-Mosta.
L-ewwel parti taż-żjara, li qed tkun mifruxa fuq tlett ijiem, bdiet dalgħodu meta l-President Fenech Adami żar tliet skejjel fil-Mosta, li huma l-iskola sekondarja Lily of the Valley, l-iskola Primarja Carmela Sammut u l-iskola Primarja E.B. Vella.
Din kienet opportunita’ li fiha l-President iltaqa’ ma’ l-istudenti u l-għalliema tagħhom. Għal din l-okkażjoni, l-istudenti ħejjew numru ta’ attivitajiet bħal qari ta’ poeżiji, żfin, kant u anke esibizzjoni ta’ parti minn dramm. Il-President Fenech Adami żar ukoll numru ta’ klassijiet.
Il-President iddeskriva ż-żjara ta’ dalgħodu bħala waħda ta’ sodisfazzjoni għaliex fiha ra li l-istituzzjonijiet edukattivi tal-Mosta qeghdin jgħinu lill-istudenti sabiex jisfruttaw it-talenti tagħhom biex fi żmien ta’ formazzjoni, jiżviluppaw il-karattru personali. Il-President ta’ Malta żied jgħid illi peress li parti mill-edukazzjoni tat-tfal tinkludi l-ħarsien tal-valuri, l-iskejjel qegħdin jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex “nibnu l-identita’ tal-pajjiż.”

Il-President Fenech Adami jiehu b'idejn wiehed mic-ckejknin ta' l-iskola primarja Carmela Sammut
Il-programm tal-President ta’ Malta fil-Mosta jkompli għada filgħaxija, fejn il-President mistenni jiltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet volontarji, soċjali kulturali u filantropiċi Mostin.
Iż-żjara tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd 2 ta’ April, 2006 meta l-President ta’ Malta, akkumpanjat mis-sindku u l-kunsilliera tal-Mosta, mistenni jiltaqa’ mal-poplu tal-Mosta u jżur il-każini tal-Baned, tal-Piroteknika kif ukoll in-nurseries tal-Mosta Football Club. Il-President se jżur ukoll is-sit storiku tal-Katakombi Ta’ Bistra.
Fil-Mosta, il-President u s-Sinjura Fenech Adami ser jattendu għal quddiesa tal-Ħadd tal-10.00 a.m. Wara l-quddiesa, il-President ser jinawgura dawra bir-rota.
Din hija waħda minn sensiela ta’ żjarat li minn xahar għal ieħor, il-President ta’ Malta qed jagħmel fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |