OPR - L-Erbgħa, 14 ta' Ġunju, 2006

 


IL-PRESIDENT TA’ MALTA PPREŻENTA L-PREMJU PAPA ĠWANNI XXIII GĦAT-TJUBIJA 2006


 

“Il-ħniena hija l-karatterisitka ta’ l-identita’ Maltija”

 

Il-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami qal dan waqt iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għas-sena 2006 lil Riona Attard tifla ta’ 8 snin li tattendi l-Iskola Primarja Patri Mattew Sultana fix-Xagħra Għawdex flimkien ma’ Ġużeppina Galea. Ġużeppina ssegwi l-edukazzjoni tagħha fl-iskola bl-għajnuna ta’ facilitator.  

 

Fid-diskors tiegħu, il-President ta’ Malta tkellem dwar kemm is-solidarjeta` u t-tjubija jirriflettu l-karattru tal-Maltin. Fl-istess ħin il-President qal li s-soċjeta` qegħda tkun mhedda minn edoniżmu immanenti u l-valuri vera qegħdin jintnesew.  Il-President tkellem wkoll fuq kemm hu importanti li s-sistema edukattiva tkun inklussiva sabiex b’hekk l-istudenti mhux biss ikunu preparati akkademikament iżda wkoll jevolvu l-karattru tagħhom b’mod sħiħ.

 

Il-President  Fenech Adami filwaqt li feraħ lil Riona tal-mod ġeneruż li bih tiddedika l-ħin tagħha lil Ġużeppina, qal ukoll li din it-tifla hija ta’ eżempju mhux biss għal sħaba iżda għal kull wieħed u waħda minna.

 

Riona Attard u Ġużeppina ltaqgħu għall-ewwel darba erba’ snin ilu meta kienu fl-ewwel sena ta’ l-iskola u minn dak inhar nibtet ħbiberija kbira bejn iż-żewġ bniet. Ġużeppina tista’ tikkomunika u tieħu sehem f’ħafna attivitajiet ta’ l-iskola mingħajr ma tiddejjaq bis-saħħa ta’ Riona li b’ġenerożita’ u ħlewwa kbira tgħinha u żżommilha kumpanija.

 

Għalkemm Riona għaddiet minn ħafna esperjenzi ta’ taħbit ta’ mard b’missierha żmien twil fl-isptar sa kemm miet, qatt ma naqset minn dmirha li iddur bih u żżuru mingħajr ma tittraskura lil Ġużeppina. Riona hija tifla qalba tajba ma’ kulħadd u  twettaq it-tjubija tagħha bil-kwiet u mingħajr ma titlob jew tistenna xejn.

 

Riona hija l-ewwel tifla minn Għawdex li qed tieħu dan il-Premju għat-Tjubija. Fil-bidu taċ-ċerimonja tkellem wkoll Patri Dionisju Mintoff, id-direttur tal-Laboratorju tal-Paċi. Il-Kor ta’ l-iskola Primarja tal-Furjana Antonio Galea kantaw kanzunetti li jmorru mat-tema ta’ din l-okkażjoni.

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP