OPR - Il-Ħadd 23 ta' Ottubru, 2005
IL-PRESIDENT U S-SINJURA FENECH ADAMI JAGĦMLU ŻJARA UFFIĊJALI FIL-LOKALITA’
TAR-RABAT, GĦAWDEX
“Il-komunita’ tar-Rabat Għawdex hija waħda li tirrifletti s-sens ta’ identita’ qawwija li jħaddnu r-residenti tagħha permezz tal-parteċipazzjoni volontarja fl-għaqdiet kulturali u soċjali.”
Dawn kienu l-kummenti tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Dott. Edward Fenech Adami meta dalgħodu, flimkien mas-Sinjura Fenech Adami, żar il-lokalita’ tar-Rabat, Għawdex. Waqt din iż-żjara, l-President kien akkumpanjat mis-Sindku tal-lokalita’, s-Sinjura Vivienne Galea Pace.
Iż-żjara fil-Belt Għawdxija bdiet billi l-President u s-Sinjura Fenech Adami attendew il-quddiesa tal-Ħadd iċċelebrata mill-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof Nikol Cauchi, fl-Oratorju ta’ San Ġwann Bosco. Ma’ tmiem il-quddiesa, l-President u s-Sinjura tiegħu żaru diversi swali ta’ l-Oratorju fejn kienu għaddejjin bosta attivitajiet. Hawnhekk il-President iltaqa’ ma’ l-Orkestra taż-żagħżagħ waqt ir-rehearsals għall-attivitajiet li ser jitħejjew fix-xhur li ġejjin. Il-President iltaqa wkoll man-Nurseries tal-Football ta’ l-Oratorju waqt it-training tagħhom u ma’ tfal ċkejknin li kienu qegħdin jitgħalmu ż-żfin fl-istess bini ta’ l-Oratorju.
Il-President Fenech Adami jiltaqa` man-Nurseries tal-Football ta' l-Oratorju
Il-President Fenech Adami żar ukoll il-workshop tal-Familja Sagona fejn iltaqa ma’ l-iskultur, artist u dekoratur Joseph Sagona u ma’ ibnu Mark Sagona, li spjegawlu x-xogħol artistiku li għamlu u li għandhom ippreparat għal quddiem. Joseph Sagona huwa skultur li x-xogħlijiet ta’ dekorazzjoni tiegħu nsibuhom fid-diversi knejjes f’Għawdex, fosthom fil-Bażilika ta’ San Gorg u fil-Katidral tar-Rabat. Ibnu Mark, li jidher li wiret it-talent ta’ missieru, spjega d-diversi esebizzjonijiet li tella` fil-gżejjer maltin.

Il-President Fenech Adami flimkien ma l-artisti tal-familja Sagona
Il-President ta’ Malta ltaqa’ wkoll mas-Sinjura Carrie Zammit, magħrufa sewwa għall-kapaċita’ tagħha fil-ħidma tal-bizzilla. Il-President osserva l-ħeffa tagħha fil-ħidma tal-bizzilla, sena maltija li s-Sinjura Zammit wirtet minn qrabatha u li fil-ġurnata tal-lum huma ftit dawk li jipprattikawha.
Fiż-żjara tiegħu, il-President żar il-Bażilika ta’ San Ġorg u l-Katidral ta’ Santa Marija fic-Ċitadella, żewġ monumenti reliġjużi u storiċi li jagħmlu unur lir-residenti tal-lokal.
Il-President Fenech Adami kellu l-okkażjoni wkoll li jżur is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella u s-Soċjeta’ Filarmonica Leone. Huwa kellu kliem ta’ tifħir għal mod kif iż-żewg soċjetajiet iżommu l-lokal ħaj anke permezz ta’ opri ta’ livell għoli li ta’ kull sena jitħejjew miż-żewġ soċjetajiet. Il-President iddeskriva l-għaqdiet bħala żewġ fulkri tal-kultura f’pajjiżna.
Intant is-Sinjura Fenech Adami ltaqet mar-residenti anzjani f’diversi djar ta’ l-anzjani li jinsabu fil-Belt Għawdxija.

Is-Sinjura Fenech Adami tiltaqa' ma waħda mill-anzjani residenti fid-djar ta' l-anzjani fir-Rabat, Għawdex
Din iż-żjara spiċċat fil-bini tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex fejn il-President ta’ Malta rringrazzja lir-Rabtin ta’ l-akkoljenza li hu u s-Sinjura tiegħu ngħataw. Huwa qal li l-ħidma tal-Kunsill ma’ tillimitax ruħha għat-tibdil fid-dehra bħal dak li huwa pavimentar, iżda togħla wkoll fuq livell kulturali. Il-President spjega li waqt żjara bħal din, seta` josserva li hemm diversi ħsibijiet importanti li wieħed għandu fuq x’hiex jirrifletti. Dawn huma l-memorja ta’ l-istorja li jħaddan il-lokal, l-identita’ li ġġib din l-istess storja u li permezz tagħha nkunu kapaċi napprezzaw u ngħożżu l-kultura sabiex insaħħu ċ-ċivilta’ li qegħdin ngħixu fiha llum.

Il-President Fenech Adami mas-Sindku, is-Sinjura Vivienne Galea Pace
li qed tippreżenta memento b'tifkira taż-żjara tal-President fir-Rabat
Din kienet waħda minn diversi żjarat fil-lokalitajiet li l-President ta’ Malta qiegħed jagħmel fil-gżejjer maltin.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |