OPR - Il-Ħadd, 9 ta' Mejju, 2005

 


IL-PRESIDENT U S-SINJURA FENECH ADAMI JAGĦMLU ŻJARA UFFIĊJALI FIL-LOKALITA` TAR-RABAT


“Ir-Rabat huwa sinjur mhux biss għaliex hu mżewwaq b’siti u bini storiċi li jħaddan fih iżda wkoll għaliex ir-rabtin kapaċi jgħożżu l-wirt tagħhom u fl-istess ħin joħolqu ambjent movimentat u ħaj.”

 

Dawn kienu l-kummenti tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu, Dott. Edward Fenech Adami meta dalgħodu, flimkien mas-Sinjura Fenech Adami, żar il-lokalita’ tar-Rabat. Waqt din iż-żjara uffiċjali l-President kien akkumpanjat mis-Sindku tar-Rabat, is-Sur Frank Fabri.

 Il-President milqugħ mis-sindku, is-Sur Frank Fabri hekk kif wasal ir-Rabat

Il-President milqugħ mis-sindku, is-Sur Frank Fabri hekk kif wasal ir-Rabat

 

Mal-wasla tagħhom fil-lokal, il-President u s-Sinjura Fenech Adami attendew għall-quddiesa  tal-Ħadd fil-Kolleġjata ta’ San Pawl.  Wara l-quddies il-President iltaqa` ma rappreżentanti tad-diversi għaqdiet volontarji u reliġjużi kif ukoll mal-Membri Parlamentari tal-lokal.

 

Il-President u s-Sinjura tiegħu żaru wkoll ‘Casa Bernard’ dar privata antika tal-familja Magri li hi mżejna b’arkitettura Maltija mill-isbaħ u bi storja twila li tmur lura ħafna sekli, u li tagħti xhieda ta’ kif kienu jgħixu n-nobbli Maltin ’il fuq minn seklu ilu.  Il-President żar ukoll il-każin ta’ l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam u l-Każin tal-Banda Konti Ruġġieru fejn iltaqa’ mal-kumitati u l-membri rispettivi tagħhom. Ma setax jonqos li l-President ma jżurx ukoll l-Oratorju ta’ Ġieżu.  

Il-President ta' Malta jiltaqa man-nies tal-lokal

Il-President ta' Malta jiltaqa man-nies tal-lokal

Waqt din iż-żjara l-President ta’ Malta iltaqa` ma’ l-iskultur Anton Agius li x-xogħlijiet tiegħu nsibuhom mhux biss fir-Rabat iżda wkoll f’diversi lokalitajiet oħrajn.  Il-President Fenech Adami kellu kliem ta’ tifħir lejn dan l-iskultur Malti ta’ talent daqshekk kbir.  Il-President kellu l-okkażjoni wkoll jara wirja ta’ artiġjanat Malti u xogħol magħmul bl-idejn  li ttellgħet għal din l-okkażjoni. Fost dawn ix-xogħlijiet kien hemm xogħol tan-newl u bizilla Maltija.

 

Intant is-Sinjura Fenech Adami ltaqat mar-residenti anzjani li jgħixu Villa Messina kif ukoll ma` sorijiet anzjani li jgħixu fid-dar tal-mistrieħ fil-Kunvent tas-Sorijiet ta’ St. Joseph.

 

Il-President, filwaqt li rringrazzja lir-Rabtin ta’ l-akkoljenza li hu u s-Sinjura tiegħu ngħataw, sostna li kien ta’ pjaċir għalih jiltaqa’ man-nies tal-lokal. Huwa sostna li għandna napprezzaw dak kollu li jagħmilna Maltin, mhux biss il-wirt kulturali tagħna, iżda wkoll karatteristiċi oħrajn, bħal l-impenn li nżommu l-lokal attiv permezz ta’ l-għaqdiet volontarji biex b’hekk kulħadd jkun qed jagħti kontribut lill-lokal tiegħu u lill-pajjiż. 

 

Iż-żjara spiċċat fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali fejn il-President Fenech Adami awgura lil Kunsill Lokali sabiex ikompli jaħdem għall-ġid tar-raħal u tar-residenti.

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP