OPR- It-Tlieta, 23ta` Novembru, 2004

 


IL-PRESIDENT JŻUR IS-SOĊJETA` MALTIJA TAS-SALIB L-AĦMAR


 

Il-President ta` Malta, l-Eċċellenza Tiegħu, Dr.  Edward Fenech Adami żar il-bini tas-Soċjeta` Maltija tas-Salib l-Aħmar fil-belt Valletta.

 

Il-President faħħar ix-xogħol siewi li tagħmel is-Soċjeta` tas-Salib l-Aħmar u qal li għalkemm kulħadd jaf li din is-Soċjeta` teżisti, forsi ftit huma dawk li jafu kemm tagħmel ġid din l-għaqda permezz tal-membri involuti b’dedikazzjoni u b’mod volontarju.

 

Il-President Fenech Adami wera l-apprezzament tiegħu għal mod kif is-Soċjeta` qed tagħti sehemha b’mod attiv fil-kwistjoni tar-refuġjati f’Malta.  Il-President spejga li għalkemm kien hemm żmien meta is-Soċjeta` tas-Salib l-Aħmar ma kienitx attrezzata, f’qasir żmien kienet kapaċi tiżviluppa u tadatta għal kull għajnuna li jkun meħtieġ minnha. Il-President Fenech Adami faħħar  l-attivitajiet li s-Soċjeta` torganizza u l-korsijiet u t-taħrig li toffri fil-qasam ta` l-ewwel għajnuna. 

 

 

Il-President ta` Malta, filwaqt li awgura l-ħidma t-tajba lil membri, l-volontarji u dawk kollha involuti, awgura wkoll li s-Soċjeta` tkompli tikber għall-benefiċċju tal-Maltin kollha.

 

Waqt din iż-żjara, il-President tas-Soċjeta` Maltija tas-Salib l-Aħmar, il-Professur Lino Cutajar spjega kif f’dawn it-tlettax il-sena li ilha imwaqqfa, din is-Soċjeta`, kibret u żviluppat f’waħda rikonoxxuta mill-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar.

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP