OPR - L-Erbgha, 4 ta' Mejju. 2005
IL-PRESIDENT U S-SINJURA FENECH ADAMI JŻURU L-SKOLA SAN MIGUEL F’PEMBROKE
Il-President ta’ Malta, l-E.T. Dr. Edward Fenech Adami u s-Sinjura Fenech Adami żaru l-iskola San Miguel Febres Cordero f’Pembroke, għal tfal bi bżonnijiet speċjali.
Waqt din iż-żjara il-President u s-sinjura Fenech Adami kienu akkumpanjati mis-Surmast ta’ l-Iskola, is-Sur George Borg li spjega kif il-klassijiet kollha huma attrezzati b’apparat speċjali biex jgħin lill-istudenti fil-bżonnijiet edukattivi tagħhom skond il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali. Is-Sur Borg ta tagħrif dwar id-diversi faċilitajiet li toffri din l-iskola.
Fost dawn il-faċilitajiet hemm il-Hydrotherapy Area li fiha jsir użu mill-pool u minn apparat speċjali waqt il-Hydrotherapy Sessions sabiex jgħinu lill-istudenti jirrilassaw. Faċilita’ oħra hija dik tal-Multisensory Room attrezzata b’apparat speċjali, audio viżiv u elettroniku sabiex joħloq ambjent stimulanti u li joffri opportunita’ unika lil dawn l-istudenti biex b’hekk jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet li jiġu ippreżentati.

Il-President gie ippreżentat b'rigal magħmul mill-istudenti stess b'tifkira ta' l-okkażżjoni
Waqt din iż-żjara il-President u s-sinjura Fenech Adami ltaqghu mal-istudenti ta’ din l-iskola li ilha miftuħa mill-1989, kif ukoll ma’ l-għalliema li b’dedikazzjoni kbira jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalita` sabiex jiggarantixxu futur kif jixraq lil dawn it-tfal.
Il-President qal li “kull tifel u tifla ghandhom dritt ghal edukazzjoni u dan id-dritt qed jinghatalhom b’mod konkret mill-iskola ta’ San Miguel Febres Cordero li filwaqt li toffri ambjent haj u kreattiv qed toħloq garanzija li fil-futur l-istudenti jkunu jistgħu jiġu integrati fid-dinja tax-xogħol.”
Il-President Fenech Adami faħħar ix-xogħol professjonali li b’dedikazzjoni dawn l-għalliema qed joffru lil dawn l-istudenti. Huwa saħaq li għalkemm ta’ kuljum l-għalliema kif wkoll il-ġenituri jiltaqgħu ma’ numru ta’ diffikultajiet, is-suċċess li nkiseb minn din l-iskola għandu jkun ta’ inkoraġġiment.
Għal din l-okkażżjoni tnehdiet il-website uffiċjali ta’ l-iskola (schoolnet.gov.mt/sanmiguelschool) li fiha wieħed jista’ jsib informazzjoni varja dwar l-iskola.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |