OPR - Il-Ħamis, 12 ta' Ottubru, 2006
IL-PRESIDENT TA’ MALTA JILTAQA' MA' L-GĦAQDIET VOLONTARJI F'SANTA LUĊIJA
F’laqgħa li kellu ma’ l-għaqdiet volontarji ta’ Santa Luċija, il-President ta’ Malta, l-E.T. Eddie Fenech Adami qal li d-demokrazija ħajja teħtieġ soċjetà ċivili u għaqdiet volontarji b’saħħithom li flimkien mal-Kunsilli Lokali jaħdmu tul is-sena kollha b’ħidmiet varji. Il-President saħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-għaqdiet speċjalment f’soċjetà li kull ma jmur qiegħda ssir iktar individwalista b’riżultat ta’ ħajja mgħaġġla u impenjattiva.
Il-President Fenech Adami qal li kienet esperjenza pożittiva għalih li jisma interventi minn mexxejja ta’ ħdax-il-għaqda fil-komunità żgħira ta’ Santa Luċija li uħud minnhom huma dedikati għal ħidmiet fost iż-żgħażagħ. Dan kollu juri li l-komunità qed tinvesti fil-futur.
Il-President ta’ Malta saħaq dwar l-importanza tas-solidarjetà bejn il-membri tal-komunità biex ħadd ma jħossu abbandunat jew emarġinat.
Nhar il-Ħadd 15 ta’ Ottubru, 2006, il-President u s-Sinjura Fenech Adami, ser jiltaqgħu mar-residenti ta’ Santa Luċija. Iż-żjara tinkludi l-Quddiesa tad-09.00 a.m. fil-Knisja tal-Parroċċa San Piju X; kif ukoll żjarat għand residenti ta’ Santa Luċija li għandhom snajja’ jew delizzji partikolari. Ser iżuru wkoll sit storiku, il-Kappella ta’ Santa Luċija, li minnha ħa l-isem dan ir-raħal, kif ukoll il-Ġnien tas-Serenità u l-Klabb tal-futbol tat-tfal.

Il-President Fenech Adami jiltaqa' ma' l-għaqdiet volontarji f'Santa Luċija
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |