OPR - Il-Ħadd, 15 ta' Ottubru, 2006

 


TINTEMM IŻ-ŻJARA UFFIĊJALI TAL-PRESIDENT F’SANTA LUĊIJA


“Santa Luċija hu lokal sabiħ bil-karatteristiċi partikolari tiegħu u b’komunita’ li taħdem biex iżżomm ruħa attiva permezz tal-Kunsill Lokali u l-għaqdiet volontarji” stqarr il-President Eddie Feneċh Adami fit-tmiem iż-żjara uffiċjali tiegħu.

 

Biċ-ċokon ta’ Santa Luċija l-komunita’ għandha ħafna x’tagħti: Junior Lyceum Margaret Mortimer mill-aktar moderna, servizzi volontarji li jgħinu l-familja u ż-żagħżagħ u wkoll ommijiet bi tfal ċkejknin.  Il-President żar is-Sur John Schembri, magħruf sewwa għal-arti ta’ l-inċiżjoni, u l-iskultur żagħżugħ Alan Magro li minn student skultur illum fetaħ negozju tiegħu.  

 

Fl-istess ħin is-Sinjura Fenech Adami żaret familji u s-sorijiet li jagħtu servizz  mill-Kunvent tal-Franġiskani f’Santa Luċija .

 

Il-President qal li permezz tas-sit arkeoloġiku li nstab f’Santa Luċija, post ta’ kult u dfin u li jmur lura għal madwar 4000 sena u bil-kura tal-Kappella ta’ Santa Luċija, li minnha ħa l-isem ir-raħal, il-Kunsill Lokali qiegħed ifittex l-għeruq tal-lokal u b’hekk joħloq sens ta’ identita’.

 

Il-President Feneċh Adami, filwaqt li rringrazzja lis-Sindku Frederick Cutajar u l-kunsilliera ta’ l-istedina għall-vista uffiċjali, faħħar l-impenn tal-Kunsill għax-xogħol siewi li qed jagħmel biex ikompli jsebbaħ il-lokal u jżomm fi stat tajjeb il-Ġnien tas-Serenita’, fejn dalgħodu ġiet imħawla siġra kommemorattiva għaż-żjara, u s-sit fil-miftuħ li hu uniku u mgħammar fejn ir-residenti jagħmlu eżerċizzju fiżiku.  Il-President qal li l-Kunsill ta’ Santa Luċija  hu ħolqa fis-suċċess ta’ ħidmiet il-Kunsilli Lokali.

 

Il-President u s-Sinjura Mary Feneċh Adami iltaqgħu ma bosta residenti, il-Kor Angelic Voices u mat-tfal subien u bniet, li jitħarrgu fil-football, fis-sala parrokkjali, wara li semgħu il-quddiesa tal-Ħadd mal-komunita’ ta’ Santa Luċija .

 

Il-President jiltaqa' ma' Santa Luċija Football Nurseries

Il-President jiltaqa' ma' Santa Luċija Football Nurseries

 

Is-Sinjura Fenech Adami iżżur is-Sorijiet Franġiskani

Is-Sinjura Fenech Adami iżżur is-Sorijiet Franġiskani

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP