OPR - Il-Ħadd, 18 ta' Diċembru, 2005
IL-PRESIDENT TA’ MALTA U S-SINJURA FENECH ADAMI JAGHMLU ŻJARA UFFIĊJALI FIL-LOKALITA’ TAS-SIĠĠIEWI
“Is-Siġġiewi mhux biss huwa raħal pittoresk iżda wkoll wieħed li r-residenti tiegħu jħaddnu sens qawwi ta’ identita’”
Dan qalu l-Eċċellenza Tiegħu, Dott. Edward Fenech Adami meta flimkien mas-sinjura Fenech Adami għamel żjara uffiċjali f’din il-lokalita’. Waqt din iż-żjara, l-President ta’ Malta kien akkumpanjat mis-sindku, is-Sur Robert Musumeci.
Iż-żjara fis-Siġġiewi bdiet bil-quddiesa tal-Hadd fil-knisja parrokkjali ddedikata lil San Nikola.
Wara l-quddiesa, l-President u s-Sinjura Fenech Adami żaru lis-Superjura tal-MUSEUM tal-bniet, Evelyn Galea li għandha 84 sena u hi magħrufa sew fis-Siġġiewi. Qabel it-Tieni gwerra Dinjija, Evelyn Galea ġiet tgħix is-Siġġiewi flimkien mal-familja tagħha u mill-ewwel bdiet taħdem biex jitwaqqaf il-MUSEUM tal-Bniet u ta' 27 sena ġiet maħtura Superjura. Hija baqgħet tmexxi l-MUSEUM għal snin twal. Ftit tas-snin ilu, s-Superjura Galea rċeviet l-Onorfiċenza Mertu Siġġiewi mill-Kunsill Lokali, b'rikonoxximent għall-ħidma tagħha fil-komunità. Illum hija tgħix flimkien ma oħtha Ersilia ta` 94 sena u ħuha Edward ta` 87 sena.
Il-President żar ukoll iż-żewg każini tal-lokal li huma l-Każin Banda San Nikola u s-Siggiewi Festival Brass Band. Il-President Fenech Adami żar il-Kapella ta’ Santa Marija taċ-Ċwerra, li l-faċċata tagħha ġiet restawrata riċentament wara iktar minn 250 sena li ġiet mibnija mill-patrijiet tad-Dumnikani tal-Birgu, fuq art li ngħatat lilhom mill-Gran Mastru Despuig.
Il-President żar kapella oħra magħrufa bħala ‘Tal-Providenza’ li tinsab fil-kwiet tal-kampanja, limiti tas-Siġġiewi. Ix-xogħol fuq din il-kappella tlesta fl-1753 u fl-1816 inbena l-‘Portico’ quddiem il-kappella, kemm biex iżejjen u anke bħala support għall-bini tal-knisja li kienet ġarrbet xi ħsarat bis-sajjetti.
Il-President żar wkoll il-workshop tas-Sur Carmelo Mallia fejn flimkien ma ibnu, jaħdem xogħol ta’ skultura fuq il-ġebel, sena tipika Maltija li hija ferm sinonima mal-lokal anke minħabba l-fatt li ħafna mill-ġebla Maltija tinġieb mill-irdum fil-limiti tas-Siġġiewi. Is-sur Mallia spjega kif isir dan ix-xogħol ta’ l-idejn li jitlob kapaċita’ u preċiżjoni kbira. Żjara oħra kienet dik fil-kappella ta’ San Ġwann fejn hemm wirja tal-presepji organizzata mill-Grupp ta’ l-Armar 6 ta’ Diċembru.

Il-President Fenech Adami flimkien mas-Sur Carmel Mallia filwaqt li spejga x'tinvolvi is-snajja tiegħu
Waqt programm separat, is-Sinjura Fenech Adami żaret is-sorijiet tal-Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu, kif wkoll lis-Sinjorina Aloysia Pace li taħdem ix-xogħol tal-bizzilla u tal-ganutell.

Is-Sinjura Fenech Adami mas-sorijiet Franġiskani
Iż-żjara ġiet fit-tmiem tagħha fil-bini tal-Kunsill Lokali, fejn il-President irringrazzja lir-residenti tas-Siġġiewi għall-akkoljenza sabiħa li l-Eċċellenza tiegħu u s-Sinjura Fenech Adami ingħataw waqt din iż-żjara.
Il-President Fenech Adami qal li kien ta’ pjaċir għalih li jżur is-Siġġiewi, waħda mill-ibliet antiki ta’ pajjiżna bi storja li tmur lura għal eluf ta’ snin. Il-President qal li hekk kif wieħed ikun għaddej mit-toroq dojoq u mserpin tas-Siġġiewi u jiltaqa’ man-nies tal-lokal, jista`jħoss is-sens ta’ ċivilta’ u ta’ identita’.
“Dan huwa riżultat tal-ħidma tal-Kunsill Lokali li qiegħed jaħdem biex jippromwovi dawn il-valuri”, kompla l-President ta’ Malta. Huwa saħaq fuq kemm hu importanti li nżommu l-kultura tagħna speċjalment fi żmien ta’ taħwid ta’ ideologiji. Il-President Fenech Adami qal li l-Kunsilli Lokali kienu esperiment li rnexxa u li wera li l-partiti politiċi kapaċi jaħdmu flimkien għal ġid tar-residenti.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |