OPR - Il-Ħadd. 4 ta' Marzu, 2007

 


L-PRESIDENT TA’ MALTA  F’SAN ĠILJAN


Il-President ta’ Malta qal li San Ġiljan żviluppa minn raħal, post kwiet fejn il-baħar, għal wieħed li jilqa’ influss kbir ta’ viżitaturi kemm minn postijiet oħrajn Maltin kif ukoll minn barra minn Malta. Dan jagħmlu lokal b’karattru uniku, bi sfidi mhux żgħar. Il-President qal dan fi tmiem żjara uffiċjali tiegħu f’San Ġiljan u f’Paceville. 

 

Il-President Eddie Fenech Adami qal li kien ta sodisfazzjon għalih li jara sew gruppi ta’ residenti pjuttost anzjani kif ukoll ta’ żgħażagħ, uħud mhux residenti permanenti,  li jwettqu ħidma volontaja u wkoll ta’ solidarjeta` ma’ dawk fil-bżonn għajnuna.

 

Jum il-Ħadd, il-President iltaqa` ma’ Chris Micallef li b’talent artistiku jaħdem statwi tat-tafal u xogħol ta’ restawr u ma’ Roger Muscat li jiddedika ħinu għat-tiżjin tal-festa u jaħdem il-bandalori.

 

Il-President żar lil Professur Victor George Griffiths li għal iktar minn ħamsin sena għex f’San Ġiljan waqt li ta servizz twil u importanti bħala kirurgu fl-isptar.  

 

Il-President iltaqa` ma sajjieda Ġiljaniżi fil-bajja sabiħa ta’ Spinola waqt li kienu qed isewwu x-xbiki  tas-sajd.

 

Waqt iż-żjara tiegħu fil-Kunsill Lokali, il-President irringrazzja lis-Sindku ta’ San Ġiljan, is-Sur Peter Bonello u l-membri tal-Kunsill Lokal għal ħidma volontarja tagħhom u awgura lil Kunsill, bħal kunsilli oħra li huma mezz ta’ bidla pożittiva fl-irħula u l-bliet Maltin, li jkompli jagħti s-servizz tiegħu għal ġid tal-komunita` Ġiljaniża.  Il-President żied jgħid li l-kunsilli lokali huma esperjenza pożittiva fejn il-Kunsilliera kollha jaħdmu flimkien għal ġid tal-lokal.

 

Il-President flimkien mas-Sinjura Fenech Adami dalgħodu beda ż-żjara tiegħu f’San Ġiljan billi sema l-quddiesa fil-parroċċa u wara iltaqa` mar-residenti fuq iz-zuntier waqt li kienu servuti kafe u pastizzi, użanza tradizzjonali Maltija.

 

Il-President żar ukoll il-Kapella antika ta’ Lapsi u l-Każin tal-Banda ta’ San Ġiljan waqt li is-Sinjura Fenech Adami, akkumpajnata mis-Sinjura Bonello, mart is-Sindku, żaret familji  Ġiljaniżi u l-pazjenti fl-isptar Zammit Clapp. 

 Il-President u s-Sinjura Fenech Adami jiltaqgħu mar-residenti ta' San Giljan

Il-President u s-Sinjura Fenech Adami jiltaqgħu mar-residenti ta' San Giljan

Il-President u s-Sinjura Fenech Adami jiltaqgħu mar-residenti ta' San Giljan

 

Il-President jiltaqa' mas-sajjieda fil-bajja Spinola

Il-President jiltaqa' mas-sajjieda fil-bajja Spinola

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP