OPR - L-Erbgħa, 28 ta' Frar, 2007
IL-PRESIDENT JILTAQA’ MA’ L-GĦAQDIET VOLONTARJI F’SAN ĠILJAN
Waqt laqgħa li kellu ma’ l-għaqdiet volontarji f’San Ġiljan, il-President Eddie Fenech Adami qal li ż-żjarat li jagħmel fl-ibliet u rħula ta’ Malta u Għawdex juruh dejjem aktar kemm il-volontarjat hu xempju ta’ solidarjeta’ mal-membri tal-komunita’.
Il-President qal li din hija okkażjoni fejn dawn jiltaqgħu flimkien biex aktar jgħarrfu lil xulxin. Il-President innota li l-għaqdiet f’San Ġiljan irendu servizz lil din il-komunita’ unika għax tħaddan fiha wkoll nies li m’humiex kollha residenti permanenti hemmhekk.
Waqt il-laqgħa, li saret fil-Millennium Chapel f’Paceville, il-President sema` ħidmiet l-għaqdiet, il-problemi li jiltaqgħu magħhom u l-inizjattivi tagħhom.
Il-President żar ukoll il-Millennium Chapel fejn Fr. Hilary Tagliaferro spjega l-funzjoni ta’ dan il-bini fil-qalba ta’ Paceville. Il-President Fenech Adami kellu kliem ta’ tifħir għax-xogħol li jsir fil- Millennium Chapel li ddeskriviha bħala ħolma li saret realta’ u eżempju tajjeb ta’ kif jista’ jinħoloq spirtu ta’ komunita’.
Sadanittant, il-President flimkien mas-Sinjura Fenech Adami jkompli ż-żjara uffiċjali tiegħu f’San Ġiljan nhar il-Ħadd 4 ta’ Marzu 2007 fejn ser jiltqa’ mar-residenti.

Il-President jiltaqa' ma' l-għaqdiet volontarji f'San Ġiljan
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |