OPR - L-Erbgħa, 28 ta' Frar, 2007
Il-PRESIDENT IŻUR L-ISKEJJEL F’SAN ĠILJAN
Il-President Eddie Fenech Adami flimkien mas-Sinjura Fenech Adami llum nieda żjara uffiċjali f’San Ġiljan.
Il-President żar l-iskola Primarja Dun Ġuzepp Xerri u s-Sacred Heart. Il-President qal li l-iskejjel qed ikunu mezz li bih it-tfal jiżviluppaw it-talenti u l-kreattivita’ tagħhom għall-avvanz personali u għal ġid tal-pajjiż. L-iskejjel huma wkoll il-post fejn it-tfal jibdew jitgħallmu jibnu relazzjonijiet fis-soċjeta’.
Meta żar l-iskola tas-Sacred Heart il-President faħħar l-impenn tas-sorijiet li jiddedikaw ħajjithom għal taħriġ mhux biss akkademiku iżda b’enfasi fuq il-valuri kattoliċi, valuri li jagħmlu parti mill-identita’ tagħna l-Malti.
Il-President żar ukoll l-Institute of Tourism Studies fejn iltaqa’ maż-żgħażagħ li qegħdin jitħarrġu għall-industrija tat-turiżmu li hija tant importanti għal pajjiżna, li laqawh ukoll għal pranzu bbażat fuq ikel Malti.
Il-President flimkien mas-Sinjura Fenech Adami fetaħ din iż-żjara billi żar is-sorijiet tal-Kunvent tal-Klarissi biex juri l-apprezzament tiegħu lis-sorijiet għall-istat ta’ ħajja reliġjuża li għażlu. Is-Sinjura Fenech Adami żaret ukoll id-dar ta’ l-anzjani Casa Leone u xi familji.
Il-lejla, l-Erbgħa 28 ta’ Frar, il-President mistenni jagħmel żjara fil-Millenium Chapel fejn imbgħad ser jiltaqa’ ma’ l-għaqdiet volontarji ta’ San Ġiljan waqt laqgħa mħejjija apposta għalihom.

Il-President jitkellem ma' l-istudenti tas-Sacred Heart
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |