OPR - L-Erbgħa, 10 ta' Ottubru, 2007

 


IL-PRESIDENT TA’ MALTA JILTAQA’ MAL-GĦAQDIET TA’ SAN PAWL IL-BAĦAR


 

“Il-ħidma volontarja fl-ibliet u r-rħula tagħna għandha parti essenzjali u importanti fil-ħajja ta’ kuljum fil-gżejjer tagħna”. Dan intqal mill-President  Eddie Fenech Adami waqt il-laqgħa tiegħu ma’ 36 għaqda volontarja f’San Pawl il-Baħar li saret fis-sala parrokjali tal-Qawra.   

 

Il-President qal li fil-laqgħat li jkollu f’kull raħal jew belt f’Malta u Għawdex, jikkonferma li l-għaqdiet volontarji jagħtu kontribut siewi, bosta drabi fis-skiet, lill-komunita’, speċjalment lil dawk emarġinati u familji b’diffikultajiet soċjali.   F’okkażjonijiet bħal dawn ir-rappreżentanti ta’ għaqdiet jitkellmu fuq ħidmiethom u fuq dak li jkunu wettqu. B’hekk jgħarrfu aktar lil xulxin u fl-istess ħin jagħmlu kuraġġ lil xulxin.

 

Is-servizz li l-għaqdiet joffru f’San Pawl il-Baħar huwa wieħed uniku għax jingħata f’komunita’ mħallta sewwa, b’familji u residenti li ġejjin minn madwar seba’ u għoxrin pajjiż, b’lingwi, drawwiet u kulturi differenti.  F’San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, it-tfal minn eta’ żgħira jitħalltu ma’ oħrajn b’bosta użanzi differenti minn dak li jitrabbew fih mal-ġenituri tagħhom.

 

Lill-għaqdiet reliġjużi, sportivi, politiċi, soċjali u kulturali, il-President ta’ Malta kellu kelma ta’ kuraġġ. Hu qal li l-impenn tagħhom hu ta’ fejda għal bosta nies, frott ħidmiethom jolqot lil kulħadd fil-lokal, jolqot lill-membri fl-għaqda nfusha għax jagħtihom is-sodisfazzjon li qed jagħtu kontribut, jagħtu support u għajnuna lil dawk fi bżonn materjali jew morali, jimla l-vojt li jinħoloq meta membri ta’ komunita’ jkunu individwalisti u jagħtu wens lil xulxin fis-siegħa tal-bżonn.  Il-President Fenech Adami qal li l-altruiżmu jagħmilna Maltin, Poplu differenti minn bosta kulturi oħrajn.

 

Il-laqgħa tmexxiet mis-Sindku tal-lokalita’ s-Sur Paul Bugeja li faħħar l-impenn ta’ l-għaqdiet kollha u qal li l-ħidma tagħhom  hija importanti sabiex il-Kunsill Lokali jkompli jkun suċċess.

 

 

 

 

 

 

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP