OPR - L-Erbgħa, 10 ta' Ottubru, 2007

 


Il-President TA’ MALTA jibda żjara UFFIĊJALI f’SAN PAWL IL-BAĦAR


Dalgħodu, il-President u-Sinjura Fenech Adami bdew żjara uffiċjali f’San Pawl il-Baħar.

 

Il-President żar l-iskejjel San Andrea u San Anton, li jinsabu fiż-żona magħrufa bħala l-Imselliet, u l-iskejjel Primarja Patri Feliċ Sammut u Dun Manwel Attard.

 

Il-President Eddie Fenech Adami faħħar l-impenn ta’ l-għalliema ta’ l-iskola San Andrea li qed jagħtu importanza mistħoqqa lill-attivitajiet sportivi.  L-istudenti qegħdin mhux biss jakkwistaw tagħlim akkademiku iżda permezz ta’ l-isports qegħdin ukoll jiżviluppaw il-karattri tagħhom b’mod iktar sħiħ.

 

Fl-iskola San Anton il-President apprezza l-metodi ġodda ta’ tagħlim li jikkumplimenta ma’ l-ambjent sabiħ li għandha l-iskola.  L-istudenti qed jingħatalhom taħriġ fl-istudju tax-xjenza fil-Backyard Habitat u tax-xandir fil-Radio Transmission Room.

 

Il-President iltaqa’ ma’ l-istudenti fl-iskola Primarja Patri Feliċ Sammut, skola li tilqa’ tfal Maltin flimkien ma oħrajn minn seba’ u għoxrin pajjiż barrani u naturalment seba’ u għoxrin lingwa differenti.  Din l-inklużjoni toffri l-opportunità lil tfal minn età żgħira jkollhom kuntatt u jitgħallmu mill-kulturi ta’ xulxin filwaqt li jidraw jaqsmu r-rispett.

 

Fl-iskola Dun Manwel Attard il-President qal li kien ta’ pjaċir li jara l-mod ta’ kif it-tfal bi bżonnijiet speċjali qegħdin jingħataw l-opportunità jippreparaw ruħhom għall-futur bl-aktar indipendenza possibbli.  Residenti ta’ madwar l-iskola fil-Wardija attendew ukoll għal din iż-żjara.

 

Fiż-żjarat tiegħu fl-iskejjel, il-President ta’ Malta kien milqugħ bi programmi mimlija b’qari ta’ poeżiji, drammi, kant, mużika u wirja kkulurita ta’ attivitajiet sportivi mħejjija apposta mill-istudenti u l-għalliema.

 

Dalgħodu, is-Sinjura Fenech Adami żaret il-kunvent tas-sorijiet tal-Franġiskani kif ukoll iltaqgħet ma’ l-anzjani li jattendu ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ San Pawl il-Baħar.

 

Il-lejla l-President mistenni jiltaqa’ ma’ l-għaqdiet volontarji ta’ San Pawl il-Baħar, Qawra, Buġibba, Burmarrad u Xemxija.

 

Iż-żjara tkompli nhar il-Ħadd 14 ta’ Ottubru fejn il-President u s-Sinjura ser jattendu l-Quddies tal-Ħadd fil-Parroċċa Maria Addolorata u jingħaqdu nofs ta’ nhar mar-residenti.  

 

Tfal ta' l-iskola San Andrea waqt esperiment fil-laboratorju xjentifiku ta' l-iskola waqt iż-żjara tal-President fl-iskola

 

Tfal ta' l-iskola San Andrea waqt esperiment fil-laboratorju xjentifiku ta' l-iskola waqt iż-żjara tal-President fl-iskola

 

Is-sinjura Fenech Adami tiltaqa' mal-Anzjani fic-Centru ta' Matul il-Jum ta' San Pawl fejn ukoll jistgħu juzaw il-computers

 

Is-sinjura Fenech Adami tiltaqa' mal-Anzjani fic-Centru ta' Matul il-Jum ta' San Pawl fejn ukoll jistgħu juzaw il-computers

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP