OPR - Il-Ħamis, 16 ta' Novembru, 2006
Il-President fl-iskejjel tan-Nadur
Iż-żjara uffiċjali fin-Nadur mill-President u s-Sinjura Fenech Adami bdiet illum bi żjara fl-iskejjel.
Fid-diskors tiegħu lill-istudenti ta’ l-Iskola Primarja Dun Salv Vella, il-President Fenech Adami qal li fil-laqgħa magħhom seta’ jara l-iżvilupp ta’ l-iskejjel f’pajjiżna. Il-President apprezza l-mod ta’ tmexxija ta’ l-iskola kif ukoll il-ħeġġa li għandhom l-istudenti, espressa fl-innu ta’ l-iskola u tal-kulleġġ. Il-President żied jgħid li l-kulleġġ huwa qabża oħra fil-kwalita` ta’ l-edukazzjoni f’Malta.
Il-President żar ukoll l-iskola San Franġisk fejn iltaqa’ ma’ l-istudenti ċkejknin tal-kindergarten. Iktar tard Dr. Fenech Adami żar ukoll lill-istatwarju s-Sur Charlie Camilleri li jispeċjalizza fix-xogħol bit-tafal.
Fl-istess ħin, is-Sinjura Fenech Adami għamlet żjara fiċ-ċentru ta’ l-Anzjani.
Il-lejla, l-President Eddie Fenech Adami ser jiltaqa’ ma’ l-għaqdiet volontarji kollha tan-Nadur.
Nhar il-Ħadd, il-President ser jattendi għall-quddiesa fil-knisja tal-Parroċċa, iżur lill-artist Frans Camilleri li huwa pittur li jpinġi bil-ħalq, il-Football Nurseries, il-Każin tal-Banda Mnarja u fl-aħħar jinawgura bini ġdid għall-Kunsill Lokali tan-Nadur.

Il-President
ta' Malta waqt iż-żjara fl-iskola Primarja Dun Salv Vella fin-Nadur
Is-Sinjura Mary Fenech Adam waqt laqgħa ma l-anzjani fid-Day Centre tan-Nadur
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |