OPR - Il-Ħadd, 4 ta' Ġunju, 2006

 


IL-PRESIDENT TA’ MALTA JTEMM IŻ-ŻJARA UFFIĊJALI FIX-XAGĦRA, GĦAWDEX


“Ix-Xagħra huwa lokal mhux biss mogħni b’numru ta’ siti storiċi li jmorru lura eluf ta’ snin iżda wkoll b’komunita li flimkien mal-Kunsill Lokali u għaqdiet volontjari jżommu ħajja l-identita’ u l-karatteristiċi tiegħu.”qal il-President Eddie Fenech Adami  fit-tieni jum taż-żjara uffiċjali tiegħu.

 

Il-President qal li din kienet esperjeza sabiħa ħafna fejn fiha ra kemm raħal daqshekk żgħir x’kapaċi joffri: skejjel attrezzati u attivi fejn fost l-oħrajn ra l-parteċipazzjoni tat-tfal li b’impenn ħadu sehem fid-dramm ‘Daniel’, numru sabiħ ta’ għaqdiet volontarji u membri tal-komunita’ li wkoll isajjru u jippreservaw ikel malti  biex drawwiet ommijietna ma jintilfux iżda jibqgħu għaddejjin minn ġenerazzjoni għall-oħra.

 

Il-President Fenech Adami, filwaqt li rringrazzja lis-Sindku Joe Spiteri u l-kunsilliera ta’ l-istedina, faħħar l-impenn tal-kunsill li jaħdem id f’id ma’ l-għaqdiet volontarji.

Waqt din iż-żjara, l-President u s-Sinjura Mary Fenech Adami attendew għall-quddiesa flimkien mal-komunita, ltaqgħu ma bosta residenti fuq iz-zuntier tal-knisja fejn kien hemm għaddejja esibizzjoni tal-bizzilla. Il-President żaru ċ-ċentru taż-żgħażagħ, il-Mitħna ta’ Kola u l-każin tal-Banda “Victory”.

Il-President u s-Sinjura Fenech Adami iltaqgħu ukoll ma’ Pawla Greċh u Vicky Saliba  li huma magħrufin sewwa fir-raħal għal mod partikolari ta’ kif isajru l-‘qassatat’ u l-‘kak ta’ l-għasel’, speċjalita’ li ssibha fix-Xagħra u ma’ Maria Assunta Bajjada li tispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ilma żahar u ġulepp.

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP