OPR - Il-Ħamis, 2 ta' Ġunju, 2006

 


IL-PRESIDENT TA’ MALTA JŻUR L-ISKEJJEL FIX-XAGĦRA


 

Il-President Eddie Fenech Adami ltaqa’ ma’ l-istudenti tat-tliet skejjel fix-Xagħra Għawdex, bħala parti miż-żjara uffiċjali tiegħu li qed jagħmel fil-lokalita’.

 

Il-President, filwaqt li stqarr li kien ta’ pjaċir għalih li jiltaqa’ ma’ l-istudenti, iddeskriva l-esperjenza ta’ dalgħodu bħala waħda ta’ sodisfazzjon. Dan għaliex fiha ra li l-istituzzjonijiet edukattivi sa minn eta’ żgħira għal dik żagħżugħa, qegħdin jgħinu lill-istudenti jagħmlu ħilithom biex jużaw it-talenti tagħhom biex fi żmien ta’ formazzjoni, jiżviluppaw il-karattru personali.  Il-President ta’ Malta żied jgħid illi fl-iżvilupp tal-karattru “għandna nirrikonoxxu dak li jagħmilna Maltin bil-valuri nsara tagħna.”

Il-President ta' Malta meta żar l-iskola tal-Franġiskani 

Il-President ta' Malta meta żar l-iskola tal-Franġiskani

 

Il-President wera l-apprezzament tiegħu meta sar jaf illi l-iskola primarja Patri Mattew Sultana hija ‘Eco-School’.  Fil-fatt wara l-ġurnata ta’ l-iskola tal-lum, uħud minn dawn it-tfal marru fil-Parlament fejn kellhom jitkellmu fuq l-ambjent u jistaqsu mistoqsijiet lid-deputati.  Il-President żied jgħid li tul dawn iż-żjarat qed jinnota li mhux magħruf biżżejjed mill-opinjoni pubblika, kemm huwa għoli l-livell li laħqu l-iskejjel tagħna.

 

Għal din l-okkażjoni, l-istudenti ħejjew numru ta’ attivitajiet bħal kant, qari ta’ poeżiji u anke preżentazzjoni ta’ parti minn dramm. Il-President Fenech Adami żar ukoll numru ta’ klassijiet.

 

Il-President jżur l-MCAST

Il-President jżur l-MCAST

Il-President beda ż-żjara tiegħu billi flimkien mas-Sinjura Fenech Adami żar l-iskola St. Francis, immexxija mis-sorijiet tal-Kunvent ta’ Ġesu’ Nazzarenu. Il-President żar ukoll l-iskola Primarja Patri Mattew Sultana kif ukoll l-MCAST fejn hawnhekk seta’ jara xi proġetti li ħejjew l-istudenti żgħażagħ. Il-President sellem u rringrazzja lil kull min jagħti sehem fil-ħidma siewja ta' dawn l-istituzzjonijiet.

 

Sadanittant, is-Sinjura Fenech Adami, tul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu ltaqgħet ma’ l-anzjani fid-Day Centre tax-Xagħra.

 

Il-lejla l-President ser jiltaqa' ma' rappreżentanti ta' diversi għaqdiet volontarji, filantropiċi u soċjali tax-Xagħra.

 

Nhar il-Ħadd 4 ta’ Ġunju, 2006 il-President u s-Sinjura Fenech Adami, ser jiltaqgħu mar-residenti tax-Xagħra. Iż-żjara tinkludi l-quddiesa tal-11.00 a.m. fil-Knisja Parrokkjali, żjarat għand residenti Xagħrin li jispeċjalizzaw f’ikel sinonimu mar-raħal, bħal Qagħaq ta’ l-Għasel u Ilma Zahar. Ser iżuru wkoll is-siti storiċi bħal Mitħna ta’ Kola, kif ukoll iċ-Ċentru taż-Żgħażagħ u l-Każin tal-Banda Victory.

 

Din hija waħda minn sensiela ta' żjarat li minn xahar għal ieħor, il-President ta' Malta, qed jagħmel fl-ibliet u rħula ta' Malta u Għawdex.

 

 "L-għaqdiet volontarji jżommu ħajja l-komunita' - Il-President iltaqa' ma l-għaqdiet volontarji fix-Xagħra

"L-għaqdiet volontarji jżommu ħajja l-komunita' - Il-President iltaqa' ma l-għaqdiet volontarji fix-Xagħra

 

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP