OPR - It-Tlieta, 14 ta' Frar, 2006
IL-PRESIDENT TA’ MALTA JAGĦMEL ŻJARA FID-DAR NIKI CASSAR FIL-BELT VALLETTA
Il-President ta’ Malta, L-E.T. Dott. Edward Fenech Adami llum żar Dar Niki Cassar fil-Belt Valletta, residenza li hija amminstrata mill-YMCA li toffri kenn lil nies bi problemi soċjali.
Waqt iż-żjara l-President ta’ Malta ngħata tagħrif minn Tom Cusens il-President tal-YMCA Malta u Jean Paul Mifsud dwar ix-xogħol strutturali li sar fuq il-bini biex jkun iktar aċċessibli u jkun ta’ ambjent kif jixraq għal dawk li jkunu qedhin jgħixu fih. Id-dar bħalissa qedgħa tilqa’ 23 resident li idejalment jistgħu jibqgħu sa mhux iktar minn sitt xhur.
Il-President Fenech Adami kellu l-opportunita’ jiltaqa’ kemm mar-residenti, mal-membri tal-Board tal-YMCA, kif ukoll mas-social workers, li uħud minnhom jaħdmu anke fuq bażi volontarja. Dawn ta’ l-aħħar spjegaw f’hix tikkonsisti l-ħidma tagħhom fir-rigward tar-residenti ta’ din id-dar. Xogħolhom huwa mifrux fuq erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Ir-residenti jingħataw l-opportunita’ li jkollhom diversi servizzi u terapiji bl-iskop li jsolvu l-problemi li jkollhom u biex b’hekk jintegraw ruħhom aħjar fis-soċjeta’.

Il-President Fenech Adami wkoll ġie ppreżentat bir-rapport u l-figuri ta’ każijiet li l- YMCA Valletta ħadmet magħhom matul is-sena 2005. Globalment, matul il-perjodu Jannar sa Diċembru 2005, il-YMCA Valletta assistiet 9000 klijent permezz ta’ 6405 intervent soċjali. Dawn jammontaw għal 1283 każ soċjali li bbenifikaw mill-għajnuna tal-YMCA Valletta.
Dan isir anke permezz ta’ ħidma ma’ istituzzjonijiet oħrajn bħal CPU, Red Cross, Immigration, Mount Carmel, St. Vincent de Paul, Appogg, Sedqa, il-Moviment Kattoliku, il-Pulizija u istituzzjonijiet oħrajn. Il-Malta Community Chest Fund ukoll taħdem id f’id mal-YMCA sabiex tilħaq l-għan li tgħin lil dawn il-każijiet soċjali b’mod finanzjarju.
Il-President Fenech Adami kellu kliem ta’ tifħir għax-xogħol siewi li qed twettaq il-YMCA. Huwa saħaq li l-għajnuna li toffri lil-YMCA hija waħda importanti għax tilħaq lil dawk il-persuni li jkunu qed iħabtu wiċċhom ma’ diversi problemi soċjali u għalhekk toffri ċans sabiex jingħataw sens ġdid lil ħajjithom.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |