OPR - It-Tnejn, 28 t'April, 2008
IL-PRESIDENT ta’ malta jKOMPLI biŻ-ŻJARA TIEGĦU FIŻ-ŻEBBUĠ GĦawdex
Fit-tieni jum taż-żjara uffiċjali fiż-Żebbuġ, il-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami, akkumpanjat mis-Sindku s-Sur Carmel Saliba, żar l-iskola primarja ‘Mons. Giovanni Andrea Vella’ fiż-Żebbuġ.
Il-President wera s-sodisfazzjon tiegħu li fiż-żmien il-50 sena mit-twaqqif tagħha, l-iskola żviluppat f’dak li hi llum, grazzi għat-tagħlim siewi ta’ bosta għalliema lill-istudenti tagħhom. Il-President ta’ Malta qal li l-innu ta’ l-iskola jrawwem fl-istudenti sens ta’ identita` u rabta ma’ l-iskola. Huwa awgura li l-istudenti, bl-inkoraġġiment tal-ġenituri u l-għalliema flimkien, ikomplu jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fl-istudju kif ukoll f’attivitajiet sportivi sabiex jiżviluppaw il-karattru b’mod iktar sħiħ.
L-istudenti ta’ l-iskola qraw poeżiji dwar l-iskola u essays li kitbu huma stess qabel ma’ l-President Fenech Adami ra ħilithom f’attivitajiet sportivi u kixef lapida kommemorattiva fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mill-ftuħ ta’ l-iskola. Il-President żar ukoll diversi esibizzjonijiet fosthom xogħol u oġġetti marbuta mas-sena tradizzjonali tan-newl, fil-klassi tan-newl fl-istess skola.
Il-President u s-Sinjura Fenech Adami żaru wkoll iċ-ċentru parrokjali fejn ingħataw spjegazzjoni dwar it-tradizzjoni ta’ l-Għażżiela; u wara żaru l-post tal-produzzjoni ta’ ġbejniet tas-Sur Charlie Cefai.
L-Għażżiela hija marbuta mar-raħal taż-Żebbuġ. Din hija biċċa għaġina magħmula forma ta’ “M” għall-isem ta’ Marija, li wara li tkun moħmija, tiġi mbierka u tiddendel wara l-bibien tad-djar għal ħarsien waqt maltempati.
Din iż-żjara ntemmet b’laqgħa mal-membri tal-Kunsill Lokali u ċerimonja kommemorattiva ta’ Jum iż-Żebbuġ.
- - - - - -

Il-President akkumpanjat mis-Sindku is-Sur Charles Saliba jżur l-klassi tan-Newl
fl-iskola Mons. Giovanni Andrea Vella fiż-Żebbuġ fejn kien hemm esibizzjoni ta' xogħlijiet u tan-Newl
Il-President u s-Sinjura Fenech Adami isegwu spejgazzjoni dwar it-tradizzjoni ta' l-Għażżiela
Il-President jżur lill-Charlie Cefai li jipproduċi il-ġbejniet
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |